Il-Partit Nazzjonalista appella lill-Gvern jikkunsidra t-twaqqif immedjat ta’ task force nazzjonali biex tilqa’ għall-ħtigijiet tal-persuni b’diżabbiltà, issa li l-pandemija tal-COVID-19 reġgħet refgħet rasha u qed jidher biċ-ċar li din se tibqa’ magħna fit-tul.
Dan l-appell twassal fi stqarrija Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Anzjanità Attiva u Inklussiva u l-Persuni b’Abbiltajiet Differenti, Maria Deguara, u tal-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Artijiet, il-Kostruzzjoni u Ippjanar Sostenibbli, Kevin Cutajar.
Huma saħqu li t-task-force għandha tkun magħmula minn persuni b’diżabbilta’, familjari, carers u esperti fis-settur bil-għan li tidentifika u tistħarreġ il-ħtiġijiet varji, li tipproponi soluzzjonijiet u li tadatta d-direttivi tal-Awtoritajiet tas-Saħħa fuq il-COVID-19, sabiex persuni b’diżabbilta’ jkunu jistgħu jsegwuhom bl-inqas xkiel possibbli għal ħajjithom.
L-istqarrija kompliet tgħid li l-qasam tal-persuni b’diżabbilta’ jistenna mill-Gvern li kuntrarju għal bħalma ġara waqt l-ewwel imxija tal-COVID-19 aktar kmieni din is-sena, is-soluzzjoni ma tkunx dik li persuni b’diżabbilta’ għandhom jissakkru fi djarhom jew inkella li jibqgħu weqfin u inattivi.
“Soluzzjonijiet ta’ dan it-tip m’humiex aċċettabbli għax il-persuni b’diżabbilta’ huma persuni li bħall-bqija taċ-ċittadini għandhom id-dritt li jkomplu għaddejjin b’ħajjithom. Lanqas mhu aċċettabbli għax tali soluzzjonijiet jikkawżaw ħafna ħsara fiżika u psikoloġika.”
Kulħadd jifhem li ż-żminijiet li qed ngħixu bħalissa huma diffiċli, iżda l-Partit Nazzjonalista qal li hu persważ li bil-ħsieb u bl-ippjanar, tista’ ċertament tinstab triq ‘l quddiem għall-persuni b’diżabbilta’ f’Malta wkoll, eżattament bħalma qed jiġri f’pajjiżi oħra.
Għalhekk, il-PN temm iħeġġeġ biex il-Gvern ta’ pajjiżna jieħu l-inizjattiva u flimkien mas-settur tal-persuni b’diżabbilta’, jagħmel sforz biex jinstabu u jiġu implimentati s-soluzzjonijiet li l-imsemmi settur qed jistenna.
“Il-Partit Nazzjonalista lest li jagħti l-kontribut kollu meħtieġ biex dan il-għan jintlaħaq fl-aqwa interess tal-persuni b’diżabbilta’.”
//= $special ?>