Coronavirus Ekonomija Gazzetti Lokali Saħħa

“In-nuqqas ta’ deċiżjoni tal-Gvern qegħda tipparalizzah”

Il-Gvern b'ċanfira oħra mill-Editorjal tal-gazzetta The Sunday Times of Malta għar-reazzjoni tard tiegħu b'rabta mat-tieni mewġa tal-Coronavirus

L-editorjal tal-gazzetta The Sunday Times of Malta ċanfar mill-ġdid lill-Gvern talli għadu qiegħed iwieżen bejn l-ekonomija jew jissalvagwardjax is-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi, tant li din in-nuqqas ta’ deċiżjoni qegħda tipparalizza l-Gvern.

Dan wassal lil pajjiżna jitniżżel fil-lista l-ħamra ta’ destinazzjonijiet, inkluż tar-Renju Unit, filwaqt li l-Editorjal jinnota li l-Prim Ministru kien fuq btala b’dagħajsa Sqallija u l-Ministru tat-Turiżmu sparixxiet.

L-Editur saħaq li tant kemm il-Gvern faħħar lilu nnifsu bir-riżultati tal-ewwel mewġa, li spiċċa telalu għal rasu u hawn beda l-bużillis.

Id-dikjarazzjoni ta’ vittorja fuq il-Coronavirus minn Robert Abela u Chris Fearne kienet mgħaġġla, skont l-Editorjal, għaliex il-kontroll tas-sitwazzjoni intilef f’ħakka t’għajn bil-permess tal-attivitajiet tal-massa u bin-nuqqas ta’ testing fl-ajurport.

Kawżi oħra li l-editur jelenka għal mod kif il-Gvern tilifha kienu l-messaġġi kunflinġenti tiegħu b’rabta mal-pandemija u d-dikjarazzjonijiet ta’ inkoraġġiment mill-Prim Ministru biex il-poplu jgawdi s-sajf, bil-Maltin bdew jerħu l-attenzjoni u l-kawtela li osservaw fil-bidu tal-pandemija.

L-azzjonijiet li qed jittieħdu llum mill-Gvern li jillimitaw l-folol fl-attivitajiet organizzati u estiżi fil-bars u nightclubs huma tard wisq għall-Editorjal u daħka fil-wiċċ għall-MAM.

Għalhekk l-Editorjal jistaqsi għalfejn domna seklu biex iddaħħal it-testing fl-ajruport, ‘il għala l-multi b’rabta mal-maskri daħlu tard, għalfejn in-nightclubs huma miżgħuda bin-nies u għaliex il-ġenituri huma fil-għama dwar il-pjanijiet tal-Gvern li jdaħħal lil uliedhom l-iskola.

Dan kollu se jkollu riperkussjonijiet fatali fuq l-ekonomija u dawk vulnerabbli, temm jgħid l-Editur tas-Sunday Times.