Lokali

“Infasslu politika li tindirizza l-ħtiġijiet tal-poplu kollu” – Adrian Delia

“Irrid li noffru alternattiva aħjar. L-ewwel nett, b’uċuħ ġodda li jagħtu lill-Partit Nazzjonalista kredibbiltà akbar. Politiċi ġodda li kapaċi jħossu l-polz tan-nies; li jidħlu fid-djar tan-nies mhux jaħarbu lin-nies; uċuħ ġodda li jistmerru l-arroganza u s-sens ta’ superjorità li tgerrex lin-nies mill-politiċi.

“Billi nkomplu nfasslu politika li tindirizza l-ħtiġijiet tal-Maltin u l-Għawdxin kollha. Billi nidentifikaw oqmsa ekonomiċi ġodda li joħolqu mpjiegi ġodda b’pagi tajbin.

“Billi nispjegaw kif se nħarsu l-ambjent ta’ pajjiżna.

“Billi nassiguraw li l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna jitħallew jaħdmu b’mod ħieles. Diġà tajna prova ta’ dan meta ġibna lill-Gvern jaqbel magħna biex l-ogħla karigi fil-pajjiż – ewlenija fosthom tal-President ta’ Malta u ħatriet fil-Ġudikatura, isiru biż-żewġ terzi.”

Din id-dikjarazzjoni għamilha ma’ il-mument l-Avukat Adrian Delia f’intervista li għamiltlu fil-jiem li għaddew hekk kif issa saru magħrufa l-kandidati għall-Elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista.

It-test sħiħ tal-intervista hu dan:

1. X’wasslek u għaliex se tikkontesta għall-kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista?

Tliet snin ilu ħadt sehem bhħala kandidat għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, fl-aktar eżerċizzju wiesa, miftuħ u demokratiku li qatt sar fi ħdan il-Partit Nazzjonalista: Konvenzjoni biex eluf ta’ Tesserati jagħżlu Kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista għal legiżlatura sħiħa.

Dakinhar il-maġġoranza tat-Tesserati għażluni biex immexxi lill-Partit Nazzjonalista. Wiegħdt mod ġdid, u għedt li l-bidla se ssib reżistenza kbira, kif fil-fatt sabet. Wara dak l-eżerċizzju demokratiku, is-sajf li għadda, sejjaħt vot ta’ fiduċja fija quddiem il-Kunsill Ġenerali, fejn għal darba oħra l-maġġoranza tal-Kunsillieri kkonfermawni bħala Kap.


Kien hemm min iddeċieda li l-mandat ta’ tliet snin ilu jipprova jwaqqfu nofs triq. Iżda jien determinat li dan il-proċess ta’ bidla tant meħtieġa fil-Partit Nazzjonalista, dan il-mod ġdid, jitwettaq fuq mandat ta’ leġiżlatura. Għalhekk li, mill-ġdid, qed nikkontesta għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista, għax inħobb lill-Partit Nazzjonalista, għax tajt saħħti għall-Partit Nazzjonalista, għax għamilt sagriffiċċji kbar għall-Partit Nazzjonalista u dan kollu għamiltu u se nkompli nagħmlu għax inħobb lill-Partit Nazzjonalista u ma rridux li jinħataf minn ftit għall-interessi personali li jista’ jkollhom.        

2. Għaliex it-tesserati tal-Partit Nazzjonalista tħoss li għandhom jivvutawlek  u jagħżluk bħala l-Kap tal-Partit Nazzjonalista?

Ħalli flimkien, issa bl-aktar mod determinat, nassiguraw li l-Partit Nazzjonalista ikun tal-ħafna, mhux tal-ftit. Għax il-Partit Nazzjonalista, biex isir forza politika relevanti, ma jistax jinħataf minn interessi dojoq.

Il-bidla li bdejna tliet snin ilu sabet reżistenza enormi, iżda jien konvint li magħqudin flimkien naslu.

Li kieku fittixt l-interessi personali tiegħi, kont inċedi quddiem ir-reżistenza li sibt. Fi tliet snin ħajti nqalbet ta’ taħt fuq.

Issagrifikajt kollox għall-Partit Nazzjonalista; tlift il-familja; intefa’ ħafna tajn lejja; u bqajt nippersevera; bqajt reżiljenti għax f’moħħi, u f’qalbi dejjem kelli lin-Nazzjonalist ġenwin li ma jistenna xejn ħlief li fil-Partit Nazzjonalista isib lil omin jifhmu, jagħdru, jisimgħu u jaqbeż għad-drittijiet tiegħu.

Dak li għamilt ft-tliet snin li għaddew, dak li beħsiebni nkompli nagħmel bil-fiduċja tat-Tesserati.

3. Xi programm għandek biex il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jsir forza b’saħħitha u għażla naturali għall-Maltin u l-Għawdxin bħala gvern alternattiv?

Is-sajf li għadda nehdejt proċess ta’ riforma mill-qiegħ nett fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, li wassal għat-tiġdid tal-Istatut tal-Partit.

Dan imbagħad wassal biex ftit ġimgħat wara inniedu clusters ġodda – uċuh ġodda li, flimkien mal-Grupp Parlamentari, se jkunu qegħdin jiffokaw fuq oqsma li jagħmlu d-differenza kollha fil-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.

Dan il-proċess ta’ bidla fadallu ħafna aktar x’isir fih. Irrid, b’mod immedjat, niftaħ beraħ il-bieb għal aktar nies ġodda fil-Partit Nazzjonalista.

Irrid mod ġdid, b’nies ġodda u ġenwini li jħobbu lill-Partit Nazzjonalista u mhux lilhom infuhom. Irrid nassigura li kull kandidat għall-elezzjoni ġenerali jmur jagħmel il-house visits b’mod regolari ħalli jisma’ x’inhuma l-ambizzjonijiet u l-ħtiġijiet tan-nies.

Għax il-politika ma ssirx minn wara laptop, il-politika t-tajba issir meta tħoss il-polz tan-nies.

Fuq kollox irrid l-għaqda fil-Partit, għaqda ġenwina fejn naħdmu lkoll għal għan wieħed: Li nagħmlu mill-Partit Nazzjonalista forza politika b’saħħitha u rilevanti.

4. Sa Elezzjoni Ġenerali oħra fadal massimu ta’ sentejn… x’ħidma se tkun qed tagħmel biex il-Partit Nazzjonalista jkun f’pożizjoni qawwija li jkun il-vuċi tal-Maltin u l-Għawdxin quddiem Gvern korrott?

L-Elezzjoni Ġenerali taf tiġi ferm qabel. Taf tiġi fi żmien ftit xhur ohra. Diġà identifikajna numru sabiħ ta’ kandidati ġodda u se nkomplu nidentifikaw aktar. Matul l-ahhar tlett snin sahhahna l-finanzi tal-Partit Nazzjonalista billi naqqasna qatigħ id-dejn tal-Partit u l-kumpaniji tiegħu – grazzi b’mod speċjali lill-Viċi Kap Robert Arrigo ta’ dan.

Żidna b’mod qawwi it-tesserament fil-Partit, u ħafna aktar nies investew ċedoli fil-Partit Nazzjonalista – dan mingħajr ma biegħejna każin wieħed li hu wieħed. Ma nistgħux nieqfu nofs triq. Ma nistgħux narmu l-ħidma siewja li saret fl-aħħar tliet snin.

Fl-aħħar tliet snin poġġejna pressjoni kbira fuq il-Gvern li wasslu għar-riżenja ta’ Joseph Muscat, Keith Schembri, Konrad Mizzi u Chris Cardona.

Waħdi ftaħt kawża l-Qorti biex l-isptarijiet jingħataw lura lill-Maltin. Irbaħt kawża kostituzzjonali kontra l-Avukat Ġenerali, li nstab ħati li kiser id-drittijiet tiegħi bħala Kap tal-Oppożizzjoni.

Dak li se nkun qed nagħmel fix-xhur li ġejjin: Aktar tiġdid fil-Partit Nazzjonalista; aktar uċuħ ġodda u ġlieda b’saħħitha kontra Gvern korrott.                                      

5. X’inhuma l-prioritajiet ta’ ħidma tiegħek biex fil-pajjiż tirritorna l-governanza tajba kif jixraq lill-poplu Malti u Għawdxi li  quddiem Gvern korrott u arroganti qiegħed ta’ kuljum jesperjenza fatti xokkanti ġodda u tnaqqir tad-drittijiet tiegħu għaliex hu konxju tal-fatt li l-istituzzjonijiet ma humiex jitħallew jaħdmu tajjeb?

Noffru alternattiva aħjar. L-ewwel nett, b’uċuħ ġodda li jagħtu lill-Partit Nazzjonalista kredibbiltà akbar. Politiċi ġodda li kapaċi jħossu l-polz tan-nies; li jidħlu fid-djar tan-nies mhux jaħarbu lin-nies; uċuħ ġodda li jistmerru l-arroganza u s-sens ta’ superjorità li tgerrex lin-nies mill-politiċi.

Billi nkomplu nfasslu politika li tindirizza l-ħtiġijiet tal-Maltin u l-Għawdxin kollha. Billi nidentifikaw oqmsa ekonomiċi ġodda li joħolqu mpjiegi ġodda b’pagi tajbin.

Billi nispjegaw kif se nħarsu l-ambjent ta’ pajjiżna.

Billi nassiguraw li l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna jitħallew jaħdmu b’mod ħieles. Diġà tajna prova ta’ dan meta ġibna lill-Gvern jaqbel magħna biex l-ogħla karigi fil-pajjiż – ewlenija fosthom tal-President ta’ Malta u ħatriet fil-Ġudikatura, isiru biż-żewġ terzi.

Jien għandi fiduċja sħiħa fit-Tesserati. Kont jien li ridt li l-aħħar kelma tkun tagħhom. Ma nieqfux nofs triq. Ejja nassiguraw Partit Nazzjonalista tal-ħafna u mhux tal-ftit.