Coronavirus Lokali

Is-CSN irid maskri mandatorji u limiti għall-gruppi fil-pubbliku

Fi stqarrija, in-Network tas-Soċjetà Ċivili (CSN) insista li l-ilbies tal-maskri għandu jkun obbligatorju f’postijiet pubbliċi sabiex titwaqqaf il-firxa lokali illi jidher li issa qabdet ritmu. Infatti, il-każijiet tal-Covid-19 f’Malta sparaw għal livelli bla preċedent.

“Mingħajr miżuri effettivi, dawn ma jidhrux illi se jbattu fil-futur ġejjieni. Bis-sena skolastika toqrob, u magħha r-rutina tax-xitwa, l-inċertezza qiegħda tiżdied mal-każijiet, u mhux tonqos”.

CSN qiegħed jappella biex il-Gvern joqgħod għar-rakkomandazzjonijiet tal-professjonisti fis-settur pubbliku u biex iqiegħed is-saħħa tal-poplu l-ewwel.  Skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-WHO, meta tiġi wżata sew, il-maskra hija barriera effettiva kontra t-trasmizzjoni tal-marda u għalhekk l-użu tagħha mill-pubbliku ġenerali għandha tiġi inkorporata fi strateġija preventiva komprensiva.

Fil-kuntest tar-rekord ta’ każijiet irreġistrati fl-aħħar ġimgħat, CSN qiegħed iħeġġeġ l-awtorijiet tas-saħħa sabiex jestendu l-ilbies tal-maskra mandatorji f’postijiet pubbliċi kollha. L-infurzar effettiv bil-multi standard għal dawk illi ma jimxux mar-regoli hija essenzjali għas-suċċess ta’ din il-miżura. 

L-ilbies tal-maskra hija l-aktar effettiva meta il-miżuri tad-distanzjar soċjali jiġu rispettati wkoll, u għalhekk CSN qiegħed jerġa’ jagħmel l-appell tiegħu għat-tnaqqis għal-limitu tan-numru massimu ta’ grupp fil-pubbliku għal 8 min-nies.