Lokali

Jiskattaw proċeduri għal “passi dixxiplinarji meħtieġa” fil-konfront ta’ Aldo Cutajar

"Principal Permanent Secretary Mr Mario Cutajar and servizz.gov’s Chief Executive Mr Winston Pirotta address a press conference on the services offered by the servizz.gov agency against the backdrop of the Covid-19 situation

Il-Kap taċ-Ċivil, Mario Cutajar, fi stqarrija irrefera għar-rapporti fil-mezzi tax-xandir dwar l-arrest li sar fil-konfront ta’ ħuħ, u li wassal biex illum ittella’ l-Qorti b’rabta ma’ allegazzjonijiet ta’ ħasil ta’ flus.

Mario Cutajar iddikjara li m’għandu assolutament l-ebda rabta jew l-iċken idea fuq l-operat ta’ ħuħ. Kemm fil-ħajja privata kif ukoll fl-irwol professjonali tiegħu, mexa fit-toroq tiegħu b’mod għal kollox indipendenti minn ħuħ. 

Fl-istqarrija l-Kap taċ-Ċivil jgħid li ma kellu xejn x’jaqsam jew ma ġie ikkonsultat bl-ebda mod meta ħuħ kien ingħata l-kariga tiegħu f’Beijing u aktar ‘il quddiem f’Shanghai, fiċ-Ċina.

Sa llum, fl-ebda ħin u bl-ebda mod, ma kien mistoqsi dwar l-allegazzjonijiet jew l-investigazzjonijiet tal-Pulizija fil-konfront ta’ Aldo Cutajar.

Sadanittant, bħala Kap taċ-Ċivil, hu ta struzzjonijiet biex b’mod immedjat jiskattaw il-proċeduri għall-passi dixxiplinari meħtieġa hekk kif stabbiliti mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku u mingħajr ebda involviment min-naħa tiegħu.