Internazzjonali

Każi ġodda tal-Covid-19 fi New Zealand…u sejħa biex l-elezzjoni tkun posposta

Il-Viċi-Prim Ministru ta’ New Zealand, Winston Peters, ħeġġeġ biex l-elezzjoni ġenerali ta’ pajjiżu, li għandha ssir ix-xahar id-dieħel, tkun posposta minħabba l-każi ġodda tal-Covid-19 li qed ifeġġu minn ġurnata għall-oħra.

Peters, li jmexxi partit żgħir fil-koalizzjoni li qed tmexxi New Zealand, spjega li ċ-ċirkustanzi tal-virus qed jikkompromettu l-proċess ta’ elezzjoni ħielsa u xierqa, u li l-avveniment irid ikun ikkunsidrat fid-dawl ta’ din ‘ir-realtà ġdida’.

Intant, l-intervent ta’ Peters tefa’ pressjoni addizzjonali fuq il-Prim Ministru ta’ New Zealand, Jacinda Ardern, li fis-sigħat li jmiss għandha tiddettalja l-pjani għal din l-elezzjoni.

Dan ukoll meta l-Partit Nazzjonali fl-Oppożizzjoni qed jgħid li għandu jappoġġja kwalunkwe deċiżjoni għal posponiment.

Ftit tal-jiem ilu, l-awtoritajiet fi New Zealand iddikjaraw tieni lockdown wara li nstabu erba’ każi ġodda fil-belt ta’ Auckland. Il-każi nstabu ftit wara li New Zealand kien iċċelebra l-mitt jum mingħajr imqar każ wieħed tal-Covid-19 – bis-sitwazzjoni, issa, qed tinbidel drastikament.

Illum, kienu konfermati mat-tlettax-il każ ġdid tal-coronavirus fi New Zealand  — bit-total tal-każi f’dan il-pajjiż jitla’ għal 69.

Il-kritiċi, intant, qed jgħidu li l-inċidenza ġdida tal-każi hi dovuta għal problemi fis-sistema għall-kontrolli mal-fruntiera ta’ New Zealand u n-nuqqas ta’ sigurtà fil-lukandi fejn qed jinżammu persuni taħt kwarantina. Hemm l-allegazzjonijiet li n-nies ‘ħarbu regolarment’ minn dawn il-lukandi biex imorru jixtru mis-supermarkets u l-ħwienet tax-xorb..

Min-naħa tagħha, il-Prim Ministru Arden qalet li l-inċidenza ġdida tal-Covid-19 f’pajjiżha qed tkun trattata ‘b’mod urġenti u fl-istess ħin, metodika ‘.

Fi żviluppi ġodda

Il-Korea t’Isfel irreġistrat l-akbar inċidenza ta’ każi ġodda tal-Covid-19 għal  dawn l-aħħar ħames xhur.

Il-President tal-Afrika t’Isfel, Cyril Ramaphosa, qal li l-infezzjonijiet bil-coroanvirus qed jidhru li ‘laħqu l-massimu’ f’pajjiżu.

L-Emirati Għarab Magħquda u Iżrael laħqu ftehim biex jikkooperaw f’riċerka relatata mal-Covid-19. L-aħbar ingħatat wara l-ftehim, jiem ilu, bejn dawn il-pajjiżi biex jinnormalizzaw ir-relazzjonijiet bilaterali.