Lokali Qorti

L-eks konslu Malti għal Shanghai akkużat b’ħasil ta’ flus

Il-koppja Cutajar inżammu arrestati

L-eks rappreżentant ta’ pajjiżna għal Shangai, Aldo Cutajar, ġie akkużat fil-Qorti b’rabta ma’ każ serju ta’ ħasil ta’ flus. Miegħu, tressqet il-Qorti martu Isabel; li t-tnejn jgħixu f’villa fin-Naxxar.

Aldo Cutajar, li hu ħu Mario Cutajar… il-Kap taċ-Ċivil, kien daħal fil-konsolat ta’ Shangai eżatt wara li warrbet Sai Mizzi.

Isabel Cutajar ta’ 52 sena u Aldo Cutajar ta’ 55 sena qed ikunu akkużati li kisbu projetà minn dħul li ġie minn attività kriminali.

Mill-villa tal-koppja, il-Pulizija ħadu oġġetti ta’ valur, inkluż arloġġi, xorb, u affarijiet oħrajn. Ġew friżati ukoll diversi propjetajiet. B’kollox, fis-safes tal-villa l-Pulizija sabu nofs miljun fi flus kontanti.

Ħareġ li l-koppja għandha kont f’Dubaj, fejn hemm depożitati sa $400,000.

Il-koppja wieġbet mhux ħatja għall-akkużi. Id-difiża talbet għal-libertà proviżorja, bil-Maġistrat ma tilqax it-talba u nżammu taħt arrest.

Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Lianne Bonello.