Coronavirus Internazzjonali Saħħa

L-Italja tagħlaq id-diskoteki u tinforza l-obbligu tal-maskri

Minn għada, fl-Italja se jingħalqu d-diskoteki kollha sas-7 ta’ Settembru. Skont is-sit Corriere della Sera, il-Gvern Taljan ħa din id-deċiżjoni sabiex jitnaqqas it-tixrid tal-COVID-19.

Dan ġie deċiż wara li l-Ħadd waranofsihar saret laqgħa bejn tliet Ministri Taljani fosthom il-Ministru tas-Saħħa u tal-Iżvilupp Ekonomiku.

Apparti dan min-nhar it-Tlieta t-Taljani se jkunu obbligati jilbsu maskra protettiva f’postijiet fejn ma tkunx tista’ tinżamm id-distanza soċjali… anke barra t-triq fil-miftuħ.

Fl-aħħar 24 siegħa fl-Italja kienu reġistati kważi 500 każ ġdid ta’ COVID-19 filwaqt li tilfu ħajjithom 4 persuni… bil-każi attivi jitla’ għal 14,733.

Intant mil-lum fl-Ajruport ta’ Fiumicino bdew isiru t-testijiet għal dawk kollha li jirritornaw mill-Kroazja, Spanja, il-Greċja u Malta.