Futbol Sport

Manchester United jitilfu semifinali oħra dan l-istaġun

(Ritratt: EPA)

Fl-ewwel semifinali tal-Europa League li ntlagħbet fil-Ġermanja, Sevilla għelbu lil Manchester United 2-1 f’partita mimlija azzjonijiet fuq iż-żewġ naħat bil-gowlkiper Yassine Bounou jkun strumentali għar-rebħa tat-tim Spanjol

Kienu Manchester United li ħarġu tajjeb u wara seba’ minuti ngħataw penalty meta Martial għadda ballun tajjeb lejn Rashford li rnexxielu jikkonkludi iżda kienu iffawljat minn Carlos. Minn ħdax –il metru l-akkwist ta’ Jannar li għadda BRUNO FERNANDES ma jiżbaljax b’konklużjoni fir-rokna tax-xibka.

Sevilla ġabu d-draw fis-26 minuta meta minn cross tajjeb fil-baxx ta’ Reguilon kien l-eks ta’ Liverpool u Milan SUSO kkonkluda għal wara De Gea. Manchester United pruvaw imorru fil-vantaġġ qabel il-mistrieħ permezz ta’ freekick mid-distanza ta’ Marcus Rashford iżda sab lil Bounou attent. Bounou reġa kien strumentali għal Sevilla u fil-ħin addizzjonali tal-ewwel taqsima wettaq save ieħor tajjeb. Fit-tieni taqsima, Manchester United ħolqu bosta okkażjonijiet ta’ skor iżda sabu lill-gowlkiper ta’ Sevilla Bounou f’forma impekkabbli u ċaħħad lil Fernandes, Martial u Rashford f’bosta okkażjonijiet.

Kontra x-xejra tal-logħob, it-tim ta’ Julian Lopetegui marru fil-vantaġġ għaxar minuti mit-tmiem permezz tas-sostitut LUUK DE JONG li kkonkluda mill-viċin minn cross ta’ Jesus Navas wara li tħalla żmarkat fil-kaxxa. Sevilla se jkollhom iċ-ċans li jirbħu din il-kompetizzjoni għas-sitt darba u r-raba’ waħda fl-aħħar sitt snin. Għada Inter jittamaw li jaqtgħu passaġġ għall-finali ta’ nhar il-Ġimgħa meta jilgħabu kontra l-Ukreni ta’ Shaktar Donetsk.

UEFA Europa League

Semifinali: Sevilla v Man Utd 2-1, Għada: Inter v Shaktar Donetsk 9.00pm