Lokali

“Mario Cutajar għandu jirreżenja” – Repubblika

“Il-pożizzjoni ta’ Mario Cutajar bħala Segretarju Permanenti Prinċipali mhix tenibbli. Aħna nistennewh li jirriżenja immedjatament.”

Fi stqarrija maħruġa minn Reubblika, intqal li mhix skuża ta’ Mario Cutajar li mhux responsabbli għall-egħmil ta’ ħuh. Mario Cutajar mhux mitlub jirreżenja għal dak li għamel ħuh. Hu mitlub jirreżenja għax hu l-kap tas-servizz pubbliku u s-segretarju tal-kabinett tal-ministri, kif wkoll iċ-Chairperson tal-Internal Audit and Investigations Board, li għandha s-setgħa li tinvestiga abbużi finanzjarji.

Jisħqu li Aldo Cutajar kellu interdett perpetwu fuqu mogħti mill-qorti fl-2005. Minkejja dan, fl-2016 intbagħat jaħdem fl-ambaxxata fiċ-Ċina u fl-2018 ħa post Sai Mizzi f’Xangaj.

L-istqarrija tkompli tgħid li Mario Cutajar hu l-kap tal-istituzzjoni li ppermettiet li dan jiġri. Dan hu falliment istituzzjonali serju li Mario Cutajar hu responsabbli għalih.  Malta tinsab taħt sħaba sewda u qegħda tirriskja li titpoġġa fuq il-lista l-griża mill-Moneyval fix-xhur li ġejjin. Dan ikun ifisser telf ta’ impjiegi għal ħafna ċittadini onesti.

L-istqarrija ttemm tgħid li fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni, Robert Abela għandu d-dover li jnaddaf isem Malta u jeżiġi li Mario Cutajar jirreżenja. Nistennew li Robert Abela jaqdi dmiru lejn in-Nazzjon Malti u ma jkunx, għal darb’oħra, pupazz f’idejn il-klikka tad-diżonorat Joseph Muscat.