Internazzjonali

Mauritius: Il-bastiment MV Wakashio jitfarrak fost diżastru ekoloġiku

Il-bastiment Ġappuniż MV Wakashio li jintuża għall-ġarr tal-merkanzija issa spiċċa litteralment maqsum min-nofs, ftit tal-ġranet wara li ħarġulu tunnellati ta’ żejt tal-fuel ‘il hinn mill-kosta tal-Mauritius.

L-inċident seħħ fil-25 ta’ Lulju wara li l-bastiment inkalja ma’ sikka  u meta l- Wakashio kien qed iġorr kunsinna ta’ 4,000 tunnellata ta’ fuel – bir-riżultat li kkaġuna emerġenza ekoloġika f’dik iz-zona ta’ baħar.

Għalkemm l-iskwadri għall-emerġenzi li marru fuq il-post irnexxielhom ‘isalvaw’ ammont konsiderevoli tal-fuel, il-kundizzjoni tal-bastiment kompla jiggrava, sal-punt fejn spiċċa ‘jiddisentigra’ fl-aħħar sigħat.

Il-gżira ta’Mauritius hi popolari ħafna mat-turisti u l-MV Wakashio spiċċa inkaljat fiz-zona ta’  Pointe d’Esny , magħrufa bħala abitat għall-ispeċi rari tal-ħajja marittima u naturali. Iz-zona tinkludi wkoll art naturali magħrufa bħala wetlands li qed tingħata importanza kbira fuq livell internazzjonali.

Fl-aħħar sigħat, kumitat li qed josserva l-kriżi tal-bastiment ikkonferma li l-parti ta’ quddiem tal-Wakashio inqata’ mill-kumplament tal-vapur u f’ħin meta jaħsbu li kien għad hemm mad-90 tunnellata ta’ fuel abbord.

L-awtoritajiet tal-Mauritius, sadanittant, organizzaw u reinfurzaw sistema ta’ ilqugħ qrib il-bastiment bil-ħsieb li tassorbi l-leakages taż-żejt mill- MV Wakashio. Dan waqt li numru ta’ vapuri tal-gwardjani tal-kosta ħadu pożizzjoni fiz-zona huma u jissorveljaw l-istat ta’ emerġenza.

It-Tmexxija tal-Mauritius, li tinsab urtata ħafna dwar dan l-inċident, qalet li se tinsisti għall-kumpens mingħand ‘is-sid u l-entitajiet responsabbli mill-assikurazzjoni tal-bastiment inkwistjoni’. Intant, il-kumpannija Ġappuniża Nagashiki Shipping impenjat ruħha biex twieġeb għat-talbiet rigward il-kumpens f’dawn iċ-ċirkustanzi.