Lokali

“Nerġgħu nibdew niddjalogaw bejnietna u mas-soċjetà” – Bernard Grech

“Għandna nerġgħu nibdew tassew nisimgħu lil kulħadd, minn ħdanna stess l-ewwel. Għandna nerġgħu nibdew niddjalogaw bejnietna u mal-bqija tas-soċjetà tagħna. Għandna nistmaw lil kulħadd, fi ħdanna u fis-soċjetà wiesgħa tagħna, u nintegraw il-vuċijiet kollha tal-oqsma differenti ta’ dan il-partit u tal-pajjiż.

“Ilkoll flimkien niġġeddu u nirnexxu żgur. Naħseb li għandna nibdew nerġgħu nħossuna kburin li aħna Nazzjonalisti. Kburin li aħna Maltin.”

Din id-dikjarazzjoni għamilha ma’ il-mument l-Avukat Bernard Grech f’intervista li għamiltlu fil-jiem li għaddew hekk kif issa saru magħrufa l-kandidati għall-Elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista.

It-test sħiħ tal-intervista hu dan:

1. X’wasslek u għaliex se tikkontesta għall-kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista?

F’dawn l-aħħar ġimgħat u ġranet smajt u għarbilt is-sejħa tan-nies li jħobbu lil pajjiżna u lill-partit tagħna.

L-organi tal-Partit Nazzjonalista taw għażla lit-tesserati, lill-membri kollha tal-partit, li jeleġġu Kap tal-Partit. Tkellimt mal-familja tiegħi u wasalt għall-konklużjoni li għandi noffri lili nnifsi biex inservi f’din il-kariga. Offrejt lili nnifsi għax nemmen li bir-rieda, bl-għaqal u bl-għajnuna ta’ kulħadd nistgħu nsaħħu l-partit flimkien ħalli noffru l-għażla t-tajba lill-pajjiż.

Din l-għażla twettaq il-ġid komuni, il-ġid tagħna flimkien.

Dan noħolquh meta nsawru ċirkustanzi li fihom ħadd ma jibqa’ lura. Int min int u qiegħed fejn qiegħed, għandu jkollok il-libertà u kull opprtunità li tavvanza, u filwaqt li tagħmel dan, tgħin fl-iżvilupp tal-komunità li lkoll ngħixu fiha.

Dan it-twemmin tiegħi jirrifletti l-prinċipju tal-Partit Nazzjonalista li dejjem kien partit b’vokazzjoni li jservi lin-nies u l-ġid komuni tal-poplu tagħna flimkien. Huwa għalhekk li jien naħseb li n-nies, il-Maltin u l-Għawdxin kollha, għandhom valur intrinsiku u għandhom dejjem jiġu qabel l-affarijiet materjali. Irridu nifhmu r-realtà li qed jgħixu n-nies.

2. Għaliex it-tesserati tal-Partit Nazzjonalista tħoss li għandhom jivvutawlek  u jagħżluk bħala l-Kap tal-Partit Nazzjonalista?

Għax naħseb li wasal iż-żmien dan il-partit jerġa’ jsir familja waħda, kbira, kkulurita li tkun ippreparata biex tmexxi l-pajjiż tajjeb.

Għandna nerġgħu nibdew tassew nisimgħu lil kulħadd, minn ħdanna stess l-ewwel. Għandna nerġgħu nibdew niddjalogaw bejnietna u mal-bqija tas-soċjetà tagħna. Għandna nistmaw lil kulħadd, fi ħdanna u fis-soċjetà wiesgħa tagħna, u nintegraw il-vuċijiet kollha tal-oqsma differenti ta’ dan il-partit u tal-pajjiż.

Ilkoll flimkien niġġeddu u nirnexxu żgur. Naħseb li għandna nibdew nerġgħu nħossuna kburin li aħna Nazzjonalisti. Kburin li aħna Maltin.

3. Xi programm għandek biex il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jsir forza b’saħħitha u għażla naturali għall-Maltin u l-Għawdxin bħala gvern alternattiv?

L-ewwel niġu lkoll flimkien f’għaqda ġenwina. It-tieni niġġeddu tassew, inkluż fil-proposti għall-ġid tal-pajjiż. It-tielet, bis-saħħa ta’ proġett ta’ tmexxija norganizzaw u nimmobilizzaw ruħna bħala partit bit-tisħib ta’ kulħadd – ġuvintur u tfajliet, studenti, ħaddiema, nisa, rġiel u anzjani, hi x’inhi l-abilità ta’ kull wieħed u waħda.

Id-diffikultajiet nafu x’inhuma u nafu li huma kbar. Madankollu, din hija l-missjoni li se nidħol għaliha b’kuraġġ kbir.  Li bl-għajnuna ta’ kulħadd, bl-għajnuna tas-setturi kollha tal-partit li lkoll jerġgħu jiksbu spirtu żagħżugħ, flimkien ma’ dawk  l-oħrajn kollha li offrew li jservu f’din il-kariga imma għażlu li jservu l-partit u l-pajjiż b’modi oħra,   noħolqu partit li jkun kapaċi jiggverna tajjeb b’mod alternattiv għall-PL li qed jiggverna b’mod ħażin u żbaljat. U li bħalissa qed jilgħab anki b’saħħitna. L-ewwel lagħab bir-reputazzjoni tagħna u issa b’saħħitna.

Il-prinċipju hawnhekk huwa sempliċi: jekk il-ġid li jiġi ġġenerat f’dan il-pajjiż imur b’mod illegali fi bwiet erbgħa min-nies b’rgħiba u korruzzjoni, ikun ifisser li dan il-pajjiż ikun qed jiżvina. Min-naħa l-oħra, il-profitt leġittimu għax-xogħol li jiġġenera l-kummerċ u l-ġid hu s-saħħa ta’ dan il-pajjiż. Hu b’dan li Malta terġa’ tikseb ir-reputazzjoni tajba li kellha fi żmien gvernijiet Nazzjonalisti. Aħna rridu l-ġid tan-nies biex nibnu soċjetà  Li kapaċi tilqa’ l-isfidi kollha, tkattar l-opportunitajiet u tgħin lil kull mara u raġel jiżviluppa kull talent u jilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħu u ta’ dakw li huwa jħobb.

Biex l-ekonomija toħloq ġid veru trid tkun ġusta ma’ dawk li jixprunaw it-tibdil fil-qasam tax-xogħol u li jinvestu għalihom u għall-komunità, kif ukoll ma’ dawk li jaħdmu bil-paga u jgħajxu lill-familji tagħhom. L-ekonomija trid toħloq postijiet tax-xogħol għall-kategoriji kollha.

Mhux biss f’oqsma li diġà huma stabbiliti, li għandhom ikomplu jissaħħu, bħall-industriji tat-teknoloġija u tas-servizzi finanzjarji, iżda għandna nwettqu wkoll ideat ġodda biex nidħlu fi swieq ġodda iktar ma se naraw l-ekonomija tagħna tinbidel ankè bid-daqqa li ħadet bil-Covid.

Intimament marbuta mal-ekonomija hemm l-edukazzjoni. In-nies li llum jifformaw is-sinsla tal-ħolqien tal-ġid, kollha għandhom preparazzjoni għax imħarrġin sewwa. Il-Partit Nazzjonalista hu l-partit tal-edukazzjoni u kompla jkabbar il-possibiltajiet għal kull min irid jitgħallem: kbir jew żgħir, mara jew raġel, għani jew le, biex dak jew dik jilħqu l-milja personali tagħhom, isiru l-aħjar verżjoni tagħhom infushom.

Irridu wkoll ngħixu b’saħħitna kemm bħala persuni ta’ valur kif ukoll bħala soċjetà. Jien nagħmel enfasi kbira fuq il-qasam soċjali għax il-bniedem jgħix verament b’saħħtu meta jkun parti minn soċjetà b’saħħitha.

Dan hu li rridu f’kull qasam: li kull wieħed u waħda minna, aħna min aħna, nilħqu l-milja tagħna nfusna.

4. Sa Elezzjoni Ġenerali oħra fadal massimu ta’ sentejn… x’ħidma se tkun qed tagħmel biex il-Partit Nazzjonalista jkun f’pożizjoni qawwija li jkun il-vuċi tal-Maltin u l-Għawdxin quddiem Gvern korrott?

In-nies jiġu qabel l-affarijiet materjali. Dejjem. L-ewwel preokkupazzjoni tiegħi  f’dan il-perijodu  tal- Covid 19 hi li  naraw li ngħinu lil dawk li tilfu jew qed jirriskjaw li jitilfu kollox. Mill-ħaddiema san-negozjanti. Naraw li kulħadd ikun protett kemm hu possibbli kontra l-virus tal-Covid u li s-servizzi tas-saħħa ikunu effettivi. L-appell tiegħi hu li nikkoperaw mad-direttivi li jagħtuna l-awtoritajiet tas-saħħa pubblika. Dan hu essenzjali, Ma nkunux aħna stess li ninfettaw lil xulxin b’imġieba mhux korretta. Fuq dan aħna lesti nikkoperaw bis-sħiħ mal-Gvern, inkluż billi nitkellmu meta dan jiżbalja.

 In-nies tagħna huma prijorità. Qegħdin daqstant numru żgħir ta’ Maltin, ma nistgħux nippermettu ruħna li ma niħdux ħsieb tagħna nfusna. It-territorju tagħna żgħir ukoll u allura rridu nsibu bilanċ.  Irridu nkunu kreattivi biex noħolqu spazji ġodda. U rridu nkomplu l-ħidma tagħna favur it-titjib tal-istituzzjonijiet tagħna biex dawn iħarsu tassew lis-soċjetà tagħna, lil kulħadd.

5. X’inhuma l-prioritajiet ta’ ħidma tiegħek biex fil-pajjiż tirritorna l-governanza tajba kif jixraq lill-poplu Malti u Għawdxi li  quddiem Gvern korrott u arroganti qiegħed ta’ kuljum jesperjenza fatti xokkanti ġodda u tnaqqir tad-drittijiet tiegħu għaliex hu konxju tal-fatt li l-istituzzjonijiet ma humiex jitħallew jaħdmu tajjeb?

L-ewwel priorità tiegħi hi li naħdmu ħalli nassiguraw il-ħobżna ta’ kuljum għal kulħadd u l-għixien diċenti għall-familji kollha tagħna. Imma biex  inkunu nistgħu nibdew naħdmu ħalli jkollna pajjiż fejn jitkattar il-ġid , irridu l-ewwel nett nerġgħu niksbu l-fiduċja fina nfusna u niksbu mill-ġdid il-fiduċja tal-investituri u pajjiżi barranin, inkluż l-Unjoni Ewropea.

It-tieni, imbagħad, irridu niksbu l-fiduċja tan-nies – irridu noħolqu pont ta’ djalogu man-nies kollha. Jeħtieġ inwettqu proċess biex il-Maltin u l-Għawdxin ma jibqgħux kważi bla ebda fiduċja fil-politiċi. Mingħajr fiduċja tan-nies ma jistax ikollok demokrazija vera u pajjiż san u b’saħħtu.

It-tielet, irridu nibnu pontijiet mas-soċjetà ċivili. F’moħħi għandi dawk l-organizzazzjonijiet volontarji li kienu strumentali fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni li skont l-istħarriġ tal-fehma pubblika tibqa’ waħda mill-ikbar preokkupazzjonijiet tan-nies.

Il-Partit Nazzjonalista f’dawn is-snin għamel il-parti tiegħu ukoll. Hi ħaġa sabiħa, neċessarja u utli li l-Partit Nazzjonalista jikkollabora dejjem iktar ma’ dawn l-organizzazzjonijiet. Dan għaliex il-Partit Nazzjonalista mhuwiex biss għaqda volontarja imma wkoll għandu responsabbiltajiet parlamentari u kostituzzjonali. Il-Partit Nazzjonalista jista’, billi jikkonvinċi u jgħaqqad ħafna oħrajn miegħu, jibni għaqda fuq livell nazzjonali biex iwettaq il-prinċipji ta’ governanza nadifa, ta’ ġustizzja soċjali u tal-istat tad-dritt, fejn il-liġi tkun indaqs għal kulħadd.

Naturalment hemm ħafna aktar prioritajiet, f’ħafna oqsma. Imma għalissa nieqaf hawn.