Lokali Qorti

18-il xahar ħabs għal Avukat Pollakk li hedded eks kollegi li se jispiċċaw bħal Daphne Caruana Galizia

Bartosz Marcin Andruszaniec, Avukat Pollakk ta’ 43 sena ġie kundannat 18-il xahar ħabs mill-Maġistrat Gabriella Vella wara li nstab ħati ta’ theddid fuq eks-kollegi ta’ ditta tal-Avukati lokali. Fost l-Avukati Maltin kien hemm min ġie mhedded li se jispiċċa maqtul bħal Daphne Caruana Galizia.

Fost ritratti li kienu jintbagħtu lill-eks kollegi tiegħu kien hemm rjus ta’ mewt, splużjoni ta’ dar u dan ukoll fil-konfront tal-mara ta’ wieħed mill-avukati. Mix-xhieda ħareġ li huwa kien qed jitlob ukoll is-somma ta’ €300,000 fuq konsulenzi li kien qal li għamel għall-kumpanija.

Andruszaniec instab ħati li pprova jagħmel kuntatt ma’ eks kollegi u diretturi ta’ kumpanija billi bagħat sensiela ta’ emails u messaġġi fuq Whatsapp u Instagram, Facebook kif ukoll permezz ta’ emails.

Andruszaniec ma kellux indirizz fiss meta kien jaħdem mal-kumpanija legali lokali. Huwa iżda sab ħafna għajnuna anke minn wieħed minn dawk li spiċċa vittma tiegħu fejn qal li kien jafu għax kienu jaħdmu flimkien l-Ingilterra.

Huwa qal li kien ikun hemm anke theddid fil-konfront tal-mara tiegħu u li huwa kien jaf li l-akkużat ġieli kkonsma d-droga u jixrob l-alkoħol. Il-ħaddiema tal-kumpanija kellmuh kemm il-darba, mhux biss biex jieqaf mit-theddid, iżda biex ifittex l-għajnuna, iżda kien kollu għalxejn.

Dan l-avukat qal li kienu jitrattawh tajjeb u ġieli anke tawh xi flus u anke ħallsulu għall-post ta’ akkomodazzjoni. Tenna li fl-uffiċċju kulħadd kien ikun aġitat minħabba l-messaġġi li kienu qegħdin jintbagħtu.

Kienet ukoll kwistjoni ta’ reputazzjoni għall-kumpanija, minħabba li l-inkwiet kien li din kienet se tieħu daqqa jekk dan kollu fid-dominju pubbliku. Wieħed minn dawn l-Avukati qal fil-Qorti li fil-bidu t-tim kollu tal-kumpanija kien jikkopera ma’ Andruszaniec.

“Konna nibagħtu n-negozju li kellna għall-Polonja u bażikament imbagħad eventwalment huwa daħal jaħdem magħna bħala konsulent Aħna konna qed jirċievu xi theddid u xi e-mails u jien irċevejt ukoll email fejn Andruszaniec għamel referenza għall-qtil ta ‘Daphne Caruana Galizia xi ħaġa li kienet pjuttost inkwetanti.

“Fuq Instagram irċevejt ritratt ta’ dar maħruqa u fuqha l-kliem Mosta u ritratt ieħor ta’ persuna li kienet taħt it-taraġ. F’dak l-istadju kont imħasseb li l-persuna ma kinitx verament tikkontrolla lilha nnifisha,” qal wieħed mill-vittmi.

Xhud ieħor qal, “jiena laqqgħajtu ma’ marti u ma’ uliedi u xorob il-whisky flimkien mal-familja tiegħi, mal-ġenituri tiegħi u hu jaf li ngħix fil-Mosta u huwa kien jiġi jieħu kafè miegħi fil-Mosta fil-perjodu meta konna naħdmu flimkien”. Skont dan ix-xhud huwa kien xtaq ħames snin li qal li tilef f’salarji.

Avukat ieħor qal li kif kien ġie terminat l-impiega ta’ Andruszaniec tant kemm kien kbir it-theddid li kellu jimpjega uffiċjal tas-sigurtà biex joqgħod għassa mad-dar tiegħu. Dan ukoll wara li kien qallu li huwa kuntent li jispiċċa l-ħabs għal għomru, wara li joqtlu kif qatlu lil Daphne Caruana Galizia.

Il-Pollakk Instab ħati li wettaq dawn ir-reati fis-7 ta’ Frar 2019 u x-xhur ta’ wara fejn l-imsemmi theddid intuża bl-intenzjoni li jakkwista flus jew xi ħaġa oħra, jew biex jagħmel xi qligħ, inkella bl-intenzjoni li jġiegħel persuna oħra teżegwixxi, teqred, tbiddel xi obbligu bil-miktub, bħal titolu jew sigurtà, u dan billi ssir kritika jew theddid għal fuq persuna oħra.

Andruszaniec, li biddel mill-anqas żewġ avukati waqt il-proċess u spiċċa jiddeffendi lilu nniffsu nstab ħati li kkawża biża’ fil-konfront ta’ erba’ persuni lkoll Maltin, liema biża li kienet se tintuża vjolenza kontriha.

Instab ħati wkoll li fl-istess perjodu permezz ta’ apparat ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi hedded li kien se jwettaq delitt bl-intenzjoni li jisforza li jgħaddu flus jew xi ħaġa oħra għal xi qligħ u li kellu l-intenzjoni li jħajjar lil diversi persuni jwettqu reat billi jbiddlu tesment jew att defamatorju.

Il-Pollakk instab ħati wkoll li hedded bi vjolenza fil-konfront ta’ familjari tal-vittmi. Bil-Maġistrat Vella ssibu ħati wkoll li fis-7 ta’ Frar tal-2019 u wara b’mod anonimu jew le meta ffirma b’isem fittizzju fil-konfront ta’ żewġ persuni.

Madankollu huwa ma nstabx ħati li fl-1 ta’ April tas-sena l-oħra fl-3.40am. waqt li kien jinsab f’residenza fi Triq il-Kaħli, San Pawl il-Baħar, kellu l-intenzjoni li jikkommetti reat ta’ serq.

Huwa ma nstabx wkoll ħati li 10 minuta qabel kien f’post ieħor fi Triq il-Mosta, San Pawl il-Baħar wettaq serqa u li fis-7 ta’ Frar tal-2019 u xhur wara uża vjoenza morali u psikoloġika fuq diversi persuni bl-iskop li jnaqqsilhom il-kapaċitajiet tagħhom, u biex inaqqas l-aċċess lilhom għal flus. Ma nstabx ħati wkoll li hedded persuni oħra bi vjolenza.

Minbarra s-sena ħabs il-Qorti ordnat ukoll li l-vittmi jingħaw protezzjoni għall-perjodu ta’ ħames snin fin-nuqqas li jagħmel kuntatt magħhom, jista’ jiġi mmultat is-somma ta’ €7,000 u l-massimu ta’ sentejn ħabs.

L-Avukat Pollakk, qalet il-Qorti tenna fil-Qorti li meta kkummissjona r-reati msemmija ma kienx mentalment f’sikktu u li dan skont hu ġralu minħabba li kien qed iġarrab xi forma ta’ bullying mingħand dawk li huwa kien qed jhedded.

Il-Psikjatra Mark Xuereb qal li l-Pollakk kellu problemi anke f’dak li għandu x’jaqsam ma’ alkoħol u droga. Tenna li għamel minn kollox biex is-sitwazzjoni titjieb minn naħa tiegħu. Huwa wkoll suċċettibbli għal ‘depression’.

Il-Qorti qalet li persuna tista’ tkun marida mentalment fil-mument li tkun għamlet l-att ta’ kommissjoni jew ommissjoni li jammonta għall-element materjali tar-reat iżda dan ma jfissirx neċessarjament li dik il-persuna kienet fi “stat ta’ ġenn” għall-finijiet tal-Artikolu 33(a), dik li jkun eżenti minn responsabilità kriminali.

Biex ikun hemm l-istat ta’ ġenn li jeżenta mir-responsabilità kriminali jrid jirriżulta, li l-akkużat kien qed ibati minn marda tal-moħħ li minħabba fiha, fil-mument ta’ l-att huwa kien priv jew mill-kapaċità li jifhem in-natura u l-kwalità ta’ dak l-att li qed jagħmel L-Avukat Stefano

Filletti deher bħala parte civile għan-nom tal-persuni vittmi li jaħdmu mal-kumpanija tal-Avukati.