Internazzjonali

Belarus: Ħaddiema juru d-disprezz għall-President Lukashenko fost l-inkwiet ta’ wara l-elezzjoni

Il-President tal-Belarus, Alexander Lukashenko, spiċċa mgħajjar u bbujjat mill-ħaddiema waqt żjara li kien qed jagħmel ġo fabbrika ta’ Minsk li tipproduċi t-tractors. L-inċident kompla jirrifletti l-arja tal-għadab fost il-pubbliku wara li Lukashenko kiseb rebħa dubjuża fl-aħħar elezzjoni għat-tmexxija tal-pajjiż – u meta issa qed jibdew ukoll l-azzjonijiet industrijali.

Il-ħaddiema għajjtu biex Lukashenko ‘jitlaq’ wara li l-President tal-Belarus – li ilu mill-1994 imexxi din l-eks repubblika Sovjetika – insista li bl-ebda mod mhu se jippermetti vot ġdid wara l-allegazzjonijiet ta’ tbagħbis u manipulazzjoni tal-aħħar elezzjoni.

Dan fost rapporti li l-membri tal-istaff mat-Televiżjoni tal-Istat ukoll ħarġu mix-xogħol fuq strajk, bis-sinjali ta’ disprezz għall-aġir ta’ Lukashenko qed jiżdiedu.

Sadanittant, il-kandidat tal-Oppożizzjoni tal-Belarus, Svetlana Tikhanovskaya, issuġġeriet li hi tista’ tieħu r-rwol tat-tmexxija fuq bażi proviżorja.

L-aħħar inċidenti segwew rally kbir ta’ protesta li sar nhar il-Ħadd f’Minsk u fejn in-nies ingħaqdu fi protesta kontra l-allegat tbagħbis tal-voti fil-votazzjoni tad-9 ta’ Awwissu fil-Belarus.

Dan ir-rally kien l-akbar wieħed tal-Oppożizzjoni ‘fl-istorja tal-Belarus bħala pajjiż indipendenti’ u fejn in-nies preżenti esprimew ukoll  rabja għall-vjolenza min-naħa tal-pulizija fil-konfront tas-sostenituri tal-Oppożizzjoni li kienu organizzaw dimostrazzjonijiet kontra r-riżultat tal-vot.

Ir-rabja fil-Belarus ilha tbaqbaq mindu l-Kummissjoni Elettorali Ċentrali qalet li Lukashenko kien rebaħ ftit aktar minn 80 fil-mija tal-vot tad-9 ta’ Awwissu – b’Tikhanovskaya tikseb biss mal-10 fil-mija tal-appoġġ nazzjonali.

Mas-6,700 persuna spiċċaw arrestati waqt il-ġranet ta’ wara l-elezzjoni li kienu karatterizzati mill-inkwiet bejn il-partitarji tal-Oppożizzjoni u l-qawwiet tal-Gvern għaż-żamma tas-sigurtà. Dan fost il-ħafna rapporti li diversi dimostranti spiċċaw ittorturati taħt idejn il-pulizija,

Madankollu, il-President Lukashenko, waqt iż-żjara fil-fabbrika, għamel li seta biex jiddefendi r-rebħa elettorali u qal lill-ħaddiema li ‘mhi se ssir l-ebda elezzjoni oħra dment li (huma) ma joqtluhx’.  Il-kumment qanqal reazzjoni rabbjuża min-naħa tal-ħaddiema li insistew biex Lukashenko jwarrab mill-Presidenza.

Min-naħa tagħha, Tikhanovskaya — li wara l-elezzjoni ħarġet tikkundanna r-riżultat ‘qarrieqi’ qabel telqet lejn il-Litwanja – ħarġet messaġġ irrekordjat fejn sostniet li tinsab lesta biex issir ‘mexxejja nazzjonali b’impenn li tirristawra l-kalma u n-normalità’. Hi wiegħdet ukoll li teħles lill-priġunieri politiċi minbarra li tħejji għal elezzjonijiet ġodda fil-Belarus.

Intant, fl-aħħar sigħat irriżenjaw numru ta’ uffiċjali, flimkien ma’ fizzjali tal-pulizija fost il-klima ta’ tensjoni fil-Belarus.