Illum fil-mezzi soċjali ħarġet storja illi fiha qed jiġi allegat li ftit tal-ġranet ilu ġewwa l-barracks tal-AFM f’Ħal Far seħħ dak li qiegħed jiġi deskritt bħala ‘cocaine party’. Ġie allegat illi f’dan il-‘cocaine party’ ħadu sehem numru ta’ membri tal-Forzi Armati ta’ Malta.
Fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Ġlieda kontra l-Kriminalità Beppe Fenech Adami, il-PN saħaq li filwaqt li tkeċċa membru tal-AFM li rrifjtuta li jsirulu testijiet għall-konsum ta’ droga, ma saru ebda testijiet oħra fuq min kien preżenti f’dan il-‘party’ b’mod immedjat, bil-konsegwenza li traċċi ta’ konsum li seta’ kien hemm setgħu ma baqgħux jeżistu. Dak li qed jiġi żvelat illum inżamm moħbi u mistur kemm mill-Kap Kmandant kif ukoll mill-Ministru Laburista Byron Camilleri għal ġimagħtejn sħaħ. Kieku ma kienx għal min żvela din l-istorja, dak li seħħ kien jibqa’ mistur mill-pubbliku.
Quddiem dawn l-allegazzjonijiet serji, il-Ministru Byron Camilleri għandu jispjega:
- Għaliex dan l-inċident gravi nżamm mistur għal ġimagħtejn sħaħ.
- Jekk jafx illi dan il-‘cocaine party’ kienx wieħed ta’ darba jew kienx hemm okkażjonijiet simili fil passat.
- Jekk il-Pulizija ġietx infurmata b’dan l-allegat reat li seħħ u jekk il-Pulizija hix qed tinvestiga.
- Jekk hux minnu illi l-persuna membru tal-AFM indikata bħala involuta fil-konsum ta’ kokaina diġa’ kellha passat kriminali u minkejja dan baqgħet tiġi protetta fl-istess Armata.
Il-Ministru għandu jgħid min baqa’ jipproteġi lil din il-persuna sal-aħħar. Il-Ministru għandu jinforma jekk hux minnu illi wara dan il-‘cocaine party’, numru ta’ membri tal-AFM, għamlu għassa ma’ postijiet sensittivi bħalma huma ambaxxati u kellhom fil-pussess tagħhom armi meta setgħu kienu taħt l-effett tad-droga.
Il-poplu Malti bir-raġun jinkwieta meta jisma’ bi stejjer bħal dawn. Il-poplu Malti jinkwieta illi Forza darba ddixxiplinata issa spiċċat fiċ-ċentru ta’ stejjer dwar ‘cocaine parties’ li jseħħu fil-barracks tal-istess Forzi Armati. Għal dan il-kollass fis-serjeta’ u dixxiplina fil-Forzi Armati ta’ Malta għandu ħafna għal xix iwieġeb il-Ministru Laburista Byron Camilleri.
//= $special ?>