Lokali

“Ċensura mill-Istat bil-barka tal-Awtorità tax-Xandir” – IĠM

Dak li seħħ aktar kmieni llum fil-konferenza tal-aħbarijiet tad-Deputat Prim Ministru Chris Fearne u Sovraintendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci ġie deskritt mill-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin bħala ċensura mill-Istat grazzi għall-Awtorità tax-Xandir. Dan, qal l-IĠM, wara deċiżjoni tal-Awtorità li ġiet implimentata mill-PBS u li rriżulta f’ċensura tal-mistoqsijiet tal-ġurnalisti.

Permezz ta’ stqarrija, l-IĠM qal li bid-deċiżjoni li ħadet l-Awtorità tax-Xandir fis-16 ta’ Ġunju, l-Awtorità kienet iddeċidiet li element politiku f’konferenza tal-aħbarijiet li kienet saret ftit tal-jiem qabel, u li kien qajjem kontroversja, kien ħareġ waqt il-ħin tal-mistoqsijiet. Kien għalhekk li l-BA dakinhar ġgħelet lill-PBS jiċċensura l-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, saħansitra tal-ġurnalisti tiegħu stess.

Din hija deċiżjoni li ma titwemminx, qal l-IĠM, li saħaq li fl-ebda stat demokratiku ma hija aċċettata din it-tip ta’ ċensura.

L-Istitut tal-Ġurnalisti qal li bid-deċiżjoni tagħha, l-Awtorità tax-Xandir għamlet mill-PBS xandar tal-Istat tat-tip li jinstabu f’reġimi totalitarji.

L-istqarrija tkompli tgħid li dawk kollha li jippreferu jsegwu l-aħabarijiet u l-ġrajjiet kurrenti fuq is-servizz pubbliku għax jemmnu li hu sors ta’ min jorbot fuqu, ġie mċaħħad minn dan is-servizz u kellu jfittex postijiet oħra biex jieħu l-informazzjoni li xtaq.

L-IĠM temm l-istqarrija billi talab laqgħa mal-Awtorità tax-Xandir sabiex din is-sitwazzjoni tkun irrimedjata wara li l-BA għalqet ħalq il-ġurnalisti, inkluż dawk tal-PBS stess, biex issa dan l-istazzjon qed jitlef il-kredibiltà li għandu.