Coronavirus Lokali Saħħa

COVID-19: 69 każ ġdid pożittiv

Għal jum ieħor pajjiżna reġa’ rreġistra numru għoli ta’ każi pożittivi ġodda ta’ COVID-19… total ta’ 69 każ. Fl-aħħar 24 siegħa kien hemm għaxar persuni oħra illi fiequ minn dan il-virus. B’hekk issa t-total ta’ każi attivi jitla’ għal 668 persuna filwaqt li t-total ta’ każi pożittivi huwa dak ta’ 1,480, bil-persuni li fiequ jammontaw għal 803.

Dan tħabbar mis-Supritendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn ġew imħabbra miżuri ġodda sabiex jitnaqqas it-tixrid ta’ dan il-virus. Dan hekk kif fl-aħħar f’inqas minn xahar pajjiżna ra żieda ta’ iktar minn 760 każ ġdid pożittiv.

Charmaine Gauci qalet li bħalissa f’pajjiżna hemm 1,200 persuna li jinsabu fi kwarantina. Fl-Isptar Mater Dei hemm rikoverati total ta’ 9 persuni, 2 persuni jinsabu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva, 4 f’ward li fiha qed jinżammu pazjenti li kollhom il-COVID u 3 persuni fl-IDU. Apparti dawn hemm 13-il persuna fl-Isptar Boffa, 13 oħra fl-Isptar St Thomas u 10 fl-Isptar Monte Karmeli. Il-maġġoranza tal-każijiet pożittivi ftit minnhom ma għandhom ebda sintomi u l-bqija għandhom sintomi ħfief.

Il-Professur Charmaine Gauci qalet li ġafna mill-każi pożittivi għandhom età medja, iżda qed ikun hemm żieda fil-każijiet ġodda li huma anzjani.