Internazzjonali

COVID-19: Iċ-Ċina ma tirrappurtax każi lokali ġodda għall-ewwel darba f’aktar minn xahar

Iċ-Ċina ħabbret  li, għall-ewwel darba, ma kienu rappurtati l-ebda każi ġodda (domestiċi) ta’ infezzjonijiet bil-Covid-19 f’artha għal aktar minn xahar.

L-aħħar darba li ċ-Ċina rappurtat ‘zero każi domestiċi’ kienet tmur lura għall-14 ta’ Lulju, iżda l-għada, mara kienet testjat pożittiv għall-virus f’Urumqi, fil-majjistral ta’ Xinjiang – bil-każ iwassal għal epidemija lokalizzata, b’il fuq minn 600 jispiċċaw infettati.

Huwa rari li ċ-Ċina – fejn il-popolazzjoni hi stabbilita madwar il-1.4 biljuni – tgħaddi minn ġurnata waħda mingħajr ma tirreġistra mqar infezzjoni waħda.

L-ewwel darba li din kienet ġrat kienet fid-19 ta’ Marzu – wara l-firxa oriġinali tal-coronavirus ġdid u qattiel fil-belt Ċiniża ta’ Wuhan.

Iċ-Ċina mill-ġdid (u għal perjodu qasir) ma reġistrat l-ebda każi domestiċi fl-ewwel parti ta’ Mejju iżda l-media tal-Istat kompliet twissi li l-inċidenzi lokalizzati huma ‘possibbiltà kbira’; għaldaqstant għadhom qed ikunu implimentati direttivi stretti għall-ilbies tal-maskri u rispett għal distanzi soċjali.

L-inċidenza ta’ infezzjonijiet f’Xinjiang (bħall-inċidenzi oħrajn fiċ-Ċina) inġiebu taħt kontroll permezz ta’ miżuri stretti għal kwarantina u l-impożizzjoni ta’ lockdown. Spikkaw ukoll proċeduri tal-massa għat-testijiet b’xejn lill-poplu.

Madankollu, hemm xorta każi fejn persuni li kienu mardu bil-virus fl-ewwel ġimgħat taċ-ċirkulazzjoni qegħdin, mill-ġdid, jittestjaw pożittiv għall-Covid-19. Issemma wkoll tħassib li n-nies jistgħu jispiċċaw infettati permezz ta’ laħam jew ikel tal-baħar iffriżati – meta ħafna jemmnu li inċidenza ta’ mard speċifiku għal Beijing li kienet ikkonfermata f’Ġunju kienet, fil-fatt, dovuta għal dan it-tip ta’ ikel iffriżat.