Coronavirus Lokali Saħħa

“Għandu jitlaqqa’ l-Parlament minnufih” – Adrian Delia

Il-Prim Ministru Robert Abela għandu jkun responsabbli u jilqa’ l-appell tal-Oppożizzjoni biex minnufih jitlaqqa’ l-Parlament u tkun diskussa s-sitwazzjoni tal-COVID-19.

Kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet fid-dawl tan-numri dejjem jiżdiedu ta’ każi attivi.

Adrian Delia qal li minflok il-Prim Ministru qiegħed pajjiżna, abbanduna lill-poplu Malti f’dan il-mument tant diffiċli u tefa’ r-reponsabbiltà kollha f’idejn ħaddieħor. Fid-dawl ta’ dan kollu Abela ma jistax iwebbes rasu u jaġixxi qisu xejn mhu xejn.

Il-Kap tal-PN qal li flok pajjiżna qed jinvesti fis-settur mediku, qed jarmi flus il-poplu Malti b’nefqa ta’ kwart ta’ miljun ewro kuljum fi sptarijiet li ngħataw lill-privat permezz tal-ftehim li sar mal-Vitals. Robert Abela għandu jifhem li ninsbu f’sitwazzjoni li tirrikjedi li nieħdu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa.

Adrian Delia qal li huwa obbligu morali lejn pajjiżna li l-poplu Malti jkollu serħan il-moħħ u ma jkunx beżghan quddiem din is-sitwazzjoni tal-Coronavirus.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Stephen Spiteri qal li pajjiżna jinsab għaddej minn sfida kontra l-ħin fejn ta’ kuljum qed ikunu rreġistrati diversi każi ġodda. L-Oppożizzjoni temmen li s-saħħa għandha tkun prijorità. Għalhekk Stephen Spiteri saħaq li kien ikun iktar għaqli kieku l-Gvern daħħal miżuri ferm qabel. Dan għaliex it-tieni mewġa tista’ tkun ferm aktar qalila mill-ewwel waħda.

Min-naħa tagħha l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Anzjanità Attiva Maria Deguara qalet li minħabba l-irresponsabbiltà tad-deċiżjonijiet mgħaġġla li ħa l-Gvern, is-sagrifiċċju li għamlu l-anzjani u dawk vulnerabbli sfaxxa fix-xejn. Stqarret li ekonomija  b’saħħitha tesiġi li jkollok poplu b’saħħtu, għalhekk huwa importanti li jinstab bilanċ ġust bejniethom. Maria Deguara qalet li l-PN qed jipproponi li titwaqqaf task forse minn diversi esperti sabiex ikunu offruti s-soluzzjonijiet.

Preżenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll it-Tabiba Desiree Vella Brincat u t-Tabib Chris Deguara.