Coronavirus Lokali Saħħa

Il-MAM twissi li terġa’ tintroduċi d-direttivi jekk il-Gvern ma jkunx deċiżiv

Igidbu lill-Prim Ministru Robert Abela - "Għandna l-ogħla rata ta' każi fl-Ewropa fl-aħħar ġimgħatejn"

“Illum il-Gvern huwa mistenni li jieħu azzjoni deċiżiva fil-miżuri li ser iħabbar. Jekk jonqos milli jwettaq dan ser jerġgħu jiġu implimentati d-direttivi b’effett immedjat.”

Din kienet it-twissija tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija fi stqarrija fejn insistiet li tinsab ġenwinament inkwetata bid-diskors li għamel il-Ħadd filgħodu l-Prim Ministru Robert Abela fejn saħqu li wera li jidher li mhux qiegħed jifhem il-gravità tas-sitwazzjoni preżenti kemm għall-ekonomija kif ukoll għas-saħħa tal-pubbliku.

Il-MAM stqarret li Robert Abela qed jgħaddi kummenti skorretti li m’għandhom l-ebda bażi xjentifika bħal fost oħrajn il-gidba sfaċċata li f’Malta hawn l-inqas numru ta’ każi pożittivi, iżda għal kuntrarju ta’ dak li qal il-Prim Ministru Laburista, pajjiżna għandu l-ogħla rata ta’ każi ġodda tal-aħħar ġimgħatejn fost l-istati membri tal-Unjoni Ewropea – ankè jekk jiġu esklużi l-każi tal-immigranti llegali.

L-Assoċjazzjoni saħqet li filwaqt li huwa minnu li t-testijiet żiedu b’mod sostanzjali – l-għan tal-iswabbing huwa sabiex tikkontrolla l-pandemija. Dan ifisser, kompliet il-MAM, li suppost b’dawn it-testijiet il-każi ġodda jonqosu u mhux jiżdiedu, bħal ma huwa qed isir fil-Gżejjer Maltin.

Dan filwaqt li l-fatt li Robert Abela saħaq li hawn min qed imut aktar bl-influwenza normali milli bil-Covid-19, ġiet deskritt bħala diskors li ma joffri l-ebda konsolazzjoni għall-pubbliku l-għaliex għall-influwenza għandna vaċċin u għal Covid-19 le.

Intant il-MAM saħqet li waqt li l-Prim Ministru kien qiegħed fuq btala fi Sqallija, 3 persuni kellhom jiddaħħlu l-ITU, 40 oħra ingħataw il-kura fl-isptarijiet tagħna – bi 11-il każ minn djar tal-anzjani. Huma insistew li l-vulnerabbli jridu jiġu portetti akkost ta’ kollox.

Għaldaqstant, bi tħejjija għat-tħabbir tal-miżuri l-ġodda tal-lum, l-Assoċjazzjoni għamlitha ċara li preżentament id-diskoteki, barijiet, festini (kemm fuq l-art kif ukoll fuq il-baħar) u kwalunkwè tip ta’ avveniment li jiġbor massa ta’ nies – mhux f’postu jew f’waqtu f’din il-pandemija. Għalhekk saħqu li dawn għandhom jitwaqqfu minnufih.

Il-MAM insistiet li l-ilbies protettiv tal-maskri u d-distanza soċjali għandhom ikunu obbligatorji kif ukoll infurzati mill-uffiċjali tal-Pulizja. Dan filwaqt li appellat li kull ċittadin Malti li jirritorna minn barra minn xtutna għandu jiġi ordnat jagħmel swab jew iqatta ħmistax kwarantina mal-wasla tiegħu f’pajjiżna, filwaqt li t-turisti għandhom jiġu obbligati jagħmlu swab 72 siegħa qabel ma jaslu f’pajjiżna.

Jekk tul il-jum tat-Tlieta l-Gvern ifalli milli jilħaq l-aspettazzjonijiet tat-tobba, il-MAM saħqet li ser tintroduċi d-direttivi minnufih.