Futbol Sport

Inter fil-finali kontra Sevilla wara rebħa kbira fuq Shaktar Donetsk

(Ritratt: UEFA EUROPA LEAGUE)

Inter se jilgħabu fil-finali tal-UEFA Europa League ta’ nhar il-Ġimgħa kontra Sevilla wara li lbieraħ għelbu lill-Ukreni ta’ Shaktar Donetsk 5-0.

Inter fetħu l-iskor wara 19 –il minuta meta minn clearance ħażina tal-gowlkiper ta’ Shaktar, il-ballun spiċċa f’saqajn Barella li bi cross preċiż sab lil LAUTARO MARTINEZ li b’daqqa ta’ ras fil-baxx għeleb lil Pyatov biex b’hekk skorja l-20 gowl tiegħu dan l-istaġun.

Shaktar resqu viċin il-gowl tad-draw man-nofsiegħa logħob meta minn pass tajjeb ta’ Dodo, l-konklużjoni ta’ Moraes kienet devjata għall-corner. It-tim ta’ Antonio Conte setgħa rdoppja fl-34 minuta meta l-konklużjoni ta’ Barella kienet salvata b’diffikultà minn Pyatov. Fit-tieni taqsima, Inter ħarġu biex isibu t-tieni gowl u wara li rebaħ il-ballun f’nofs il-grawnd, Lautaro Martinez prova konklużjoni mill-bogħod fejn sab lil Pyatov attent biex dawwar f’corner. Fit-62 minuta, it-tim ta’ Luis Castro seta’ ġab id-draw meta minn cross ta’ Matvyenko, kien Moraes li waħdu fil-kaxxa bir-ras ġie mċaħħad minn Handanovic.

Inter kisbu l-gowl ta’ kwalifikazzjoni fl-64 minuta meta minn corner għal fuq it-tieni lasta, kien DANILO D’AMBROSIO li bir-ras għeleb lil Pyatov. Fil-71 minuta Inter resqu viċin li jiskorjaw it-tielet gowl iżda l-konklużjoni fjakka ta’ Romelu Lukaku kienet salvata faċilment minn Pyatov.

MARTINEZ għamilhom 3-0 żewġ minuti wara meta approfitta minn inċertezza fid-difiża ta’ Shaktar u kkonkluda b’xutt lejn ir-rokna tax-xibka. ROMELU LUKAKU kompla l-istaġun pożittiv tiegħu meta minn pass ta’ Martinez ikkonkluda fil-baxx għal wara Pyatov. LUKAKU skorja t-tieni gowl personali meta wara ġirja tajba kkonkluda minn taħt Pyatov. Lejn it-tmiem iż-żagħżugħ Espostio kellu ċans jagħmilhom 6-0 iżda l-konklużjoni tiegħu għaddiet ftit barra.

Din se tkun l-ewwel finali Ewropeja ta’ Inter sa mill-2010 meta dakinhar kienu waslu sal-finali tal-UEFA Champions League u għelbu lil Bayern Munich 2-0 biex aċċertaw mit-treble.

UEFA EUROPA LEAGUE

Semifinali: Ilbieraħ: Sevilla v Man Utd 2-1, Illejla: Inter v Shaktar Donetsk 5-0, Finali: il-Ġimgħa: Sevilla v Inter 9.00 pm