Lokali

“Ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna tkompli tiżżeblah” – SĦPN

Filwaqt li SĦPN tifraħ lill-Pulizija ta’ kontra r-reati ekonomici għall-arrest li wettqu fir-rigward ta’ uffiċjal tal-Gvern li inċidentalment huwa ħu l-Kap taċ-Ċivil Mario Cutajar, fl-istess ħin ma tistax tifhem kif kontra kull loġika dan ġie impjegat mal-Gvern wara l-2013 f’kariga għolja minkejja sentenza tal-Qorti li sabitu ħati fuq misappropjazzjoni ta’ fondi pubbliċi fl-2005.

Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista tinsab mħassba dwar il-possibilità li Aldo Cutajar reġa’ ġie ngaġġat lura mal-Gvern bħala Ambaxxatur għax hu minn tal-qalba. Dan huwa ingust fid-dawl ta’ ħaddiema taċ-Ċivil li tilfu l-impieg fuq żbalji ferm inqas gravi u qatt ma ingħataw iċ-ċans li jidħlu lura! Kemm ħaddiema għamlulhom ħajjithom miżerja b’investigazzjonijiet fuq każijiet superfiċjali!


Din hija wkoll konferma oħra li l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna huma bla sinsla, paralizzati u maħtufa mill-gvern Laburista. Sadanittant, dawn l-istituzzjonijiet qed jippermettu li dawn ir-reati isiru f’wiċċ il-poplu Malti. Għal dan kollu, inbatu lkoll kemm aħna, kemm finanzjarjament kif ukoll permezz tar-reputazzjoni ta’ pajjiżna li f’dawn l-aħħar seba’ snin ħadet daqqa wara l-oħra.

In-negozji Maltin u l-impjegati tagħhom jerfgħu l-piż tan-nuqqasijiet tal-awtoritajiet hekk kif qed iħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet. Matul l-aħħar xhur u ġimgħat rajna għadd kbir ta’ tkeċċijiet mill-impjiegi, partikolarment fl-industrija tat-turiżmu li b’deċiżjonijiet dilettanteski, dan il-Gvern taha d-daqqa tal-mewt.

SĦPN temmen bis-sħiħ li fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi l-Kap taċ-Ċivil għandu jerfa’ responsabbilta’ tal-kariga tiegħu u jirriżenja. M’għandux jerġa jseħħ bħalma ġara ma’ numru ta’ Ministri li minkejja skandlu wara l-ieħor, baqgħu fil-kariga tagħhom. Dan iż-żeblih ta’ pajjiżna jeħtieġ li jieqaf illum qabel għada.