Lokali

RITRATTI: Ikomplu t-tfittxijiet fid-dar ta’ Aldo Cutajar

Pulizija mit-Taqsima ta’ Kontra r-Reati Maġġurii hi u mit-Taqsima ta’ Kontra l-Frodi komplew bil-ħidma tagħhom biex jiġbru aktar fatti u provi fil-każ ta’ Aldo Cutajar, li flimkien ma’ martu jinsabu akkużati b’ħasil ta’ flus.

Tul il-jum tat-Tnejn, esperti tal-Qorti kienu preżenti biex jivvalutaw l-oġġetti kollha li hemm fil-villa tal-eks Konslu ta’ Shangai. Għal ħin twil kienet għaddejja ukoll ħidma biex tiġi valutata il-propjeta’ innifisha…b’sorsi jindikaw li tiswa’ ‘l fuq minn miljun ewro.

Preżenti mal-Pulizija waqt din il-ħidma kien hemm Aldo Cutajar innifsu, li jiġi ħu l-Kap taċ-Ċivil Mario Cutajar, li minn naħa tiegħu qed jiċħad li kellu xi forma ta’ għarfien dwar dan il-każ.

Isabel Cutajar ta’ 52 sena u Aldo Cutajar ta’ 55 sena qed ikunu akkużati li kisbu propjeta’ minn dħul li ġie minn attivita’ kriminali. Meta l-Ħadd tressqu b’urġenza l-Qorti, il-koppja wieġbet mhux ħatja għall-akkużi.

Intant wara l-iżviluppi tal-aħħar ġranet, il-Kap tal-PN Adrian Delia u diversi deputati tal-PN qed jinsistu li l-pożizzjoni ta’ Mario Cutajar bħala Kap taċ-Ċivil mhix aktar tenibbli. Il-fatt li ħuh iddaħħal jaħdem lura mill-ġdid fis-servizz pubbliku bhala Konslu wara li kien instab ħati mill-Qorti u kien taħt interdett, huwa skandaluż.

Issa qed jikbru l-appelli biex Mario Cutajar jirriżenja minnufih filwaqt li ssir inkjesta pubblika.

Tags