Lokali Parlament

Ittra ta’ Joseph Muscat dwar l-inbid Petrus ta’ Yorgen Fenech ikkunsidrata bħala apoloġija

Il-Kumitat għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika qabel li filwaqt li l-ex Prim Ministru Joseph Muscat għandu kull dritt iżomm il-pożizzjoni tiegħu dwar ir-rigal tal-fliexken tal-inbid Petrus li kien tah Yorgen Fenech, jifhem li ittra ta’ spjega mill-istess Muscat tammonta għal apoloġija mill-ex Prim Ministru.

Fil-Kumitat għall-Istandards fil-Ħajja Pubbliku li dalgħodu ddiskuta dan il-każ, l-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li hu kien kiteb lill-ex Prim Ministru Joseph Muscat biex jippreżenta s-sottmissjonijiet tiegħu dwar il-każ. Jospeh Muscat wieġeb l-ittra tal-Ispeaker fl-14 ta’ Awwissu 2020. Jirriżulta li l-valur tat-tliet fliexken inbid hu ta’ €5,800.

Il-Ministru Zammit Lewis qal li l-fatt li l-Kumitat addotta r-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards għandu jagħlaq dan il-każ għaliex il-proċediment hu eżawrit u l-oġġetti in kwistjoni ma jinstabux għand l-ex Prim Ministru Muscat.

Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina qal li l-PN ma jaqbilx ma dan l-argument għaliex dan hu serju ħafna u ma jistax jinjora b’mod leġġer għaliex meta politiċi jġibu ruħhom b’mod skrorett irid ikun konsegwenzi.

Il-fatti seħħew, sostna Karol Aquilina, li qal li fl-ittra ta’ Joseph Muscat kellu jkun hemm xi forma ta’ dispjaċir ta’ kif saru l-affarijiet. Iżda Muscat baqa’ jinsisti fuq il-pożizzjoni tiegħu u qal li l-pożizzjoni ta’ Joseph Muscat hi opposta għall-pożizzjoni tal-Kumitat u tal-Kummissarju għall-Istandards.

Għalhekk għandu jkun hemm sanzjonijiet, sostna d-deputat Nazzjonalista, li rrifera għal dak l jseħħ fil-House of Commons f’każi bħal dawn fejn ikun hemm sanzjonijiet f’każi bal dawn. Hu staqsa lill-membri tal-gvern jekk humiex lesti li jiddiskuti f’forma ta’ sanzjoni għandu jkun hemm inkella l-PN jitlob is-sanzjoni li jħoss.

Il-Ministru Zammit Lewis qal li fil-kuntest politiku Joseph Muscat ma baqax Prim Ministru u Mexxej Laburista u għalhekk refa’ responsabbiltà kbira. Hu qal li l-apoloġija saret meta Muscat irriżenja mill-karigi tiegħu.

L-Ispeaker Anlu Farrugia qal li fl-ittra tiegħu Joseph Muscat qal li kien refa’ r-responsabbiltà politika kollha waqt li l-Kummissarju għall-Istandards fir-rapport tiegħu saħaq dawn id-distanza li għandu jkun hemm bejn il-politiċi u ċertu persuni fin-negozju. L-Ispeaker kompla li fl-ittra tiegħu Muscat anki spjega li ma setax ma jaċċettax ir-rigal ta’ Yorgen Fenech minħabba li s-Servizzi tas-Sigurtà kienu qalulu biex jibqa’ jaġixxi b’mod normali. Hu qal li minn din l-istorja ħarġu diversi affarijiet fosthom li kien rivedut il-Kodiċi ta’ Etika. Il-messaġġ hu ċar; kull membru fil-politika għandu jżomm distanza ma’ persuni involuti fil-kummerċ u n-negozju.

Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina qal li din hi sitwazzjoni fejn kulħadd jagħmel li jrid u ma jkunx hemm konsegwenzi. Hu sostna li Joseph Muscat irriżenja minn Prim Ministru minħabba diversi kwistjonijiet u minħabba dan il-każ tal-inbid.

Il-parlament irid jibgħat il-messaġġ li meta politiku jġib ruħu b’mod skorrett irid ikun hemm konsegwenzi. Fil-parlament Ingliż kien hemm każi fejn deputati kienu anki sospiżi għal ċertu perjodu minħabba atteġġjament skorrett.

Dan filwaqt li ssir ukoll apoloġija maqbula li fiha jintwera dispjaċir. Kont qed nittama li Joseph Muscat jagħmel xi forma ta’ apoloġija lill-Kumitat u lill-Kummissarju għall-Istandards iżda dan ma sarx, sostna Karol Aquilina, li kompla li s-sanzjoni għandha tingħata għalkemm jittama li Muscat jagħmel xi forma ta’ apoloġija.

Hu ppropona lill-kumitat li jagħmel apoloġija fil-parlament iżda jekk din ma ssirx allura l-Kumitat jirrakkomanda lill-parlament biex Joseph Muscat ikun sospiż għal sebat ijiem. Il-PN hu miftuħ għal kull forma ta’ proposta oħra, sostna Karol Aquilina.

Il-Ministru Byron Camilleri ma qabilx ma din il-proposta għaliex Jospeh Muscat diġà ħa azzjoni fil-Kumitat tal-Istandards fil-ħajja pubblika. Hu qal li l-affarijiet qed jitkabbru iktar milli fil-fatt huma u sostna li dan il-każ fost l-aktar każi serji. Il-Ministru Camilleri sostna li Muscat kellu l-parir tas-Servizz tas-Sigurtà biex jaċċetta r-rigal; li wara kollox Joseph Muscat ħallih għand l-Istat.

Id-deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici qal li l-Kummissarju għall-Istandards m’għandux jagħti r-rakkomandazzjoni u għandha ssir distinzjoni bejn il-persuna u l-każ. Nippreferi kienu Joseph Muscat ġie fil-Kumitat biex nifhmu x-xenarju ta’ dak li seħħ, sostna Carm Mifsud Bonnici, li appella biex ikun hemm apoloġija minn Joseph Muscat. Carm Mifsud Bonnici qal li l-minimu minn Joseph Muscat kellha tkun apoloġija għaliex Muscat baqa’ jsostni li ma kellux tort u li kien il-Kummissarju għall-Istandards li aġixxa b’mod skorrett.

Hu qal li l-Oppożizzjoni tipproponi wkoll li jekk ma jkunx hemm azzjoni u apoloġija allura ssir diskussjoni fl-ewwel seduta parlamentari skont kif jitolbu l-ordinijiet tal-parlament. Carm Mifsud Bonnici sostna li ma jistax jinħoloq preċedent għaliex jista’ jkun hemm każi simili u l-Kumitat ikollu diffikultà li jieħu passi għaliex ma jkunux ittieħdu kontra Joseph Muscat.

Il-Ministru Zammit Lewis sostna li r-rapport tal-Kummissarju George Hyzler kien ċar u ma qabilx li ssir diskussjoni parlamentari fuq dan il-każ; minflok għandha ssir diskussjoni dwar il-Kodiċi ta’ Etika tad-deputati.

L-Ispeaker qal li l-każ hu pubbliku bid-dettalji kollha u ppropona li l-Kumitat jirirkonoxxi l-ittra li bagħat Muscat u qed joħodha li din hi forma ta’ apoloġija.

Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina qal li għandha tintbagħat ittra lil Joseph Muscat biex l-ittra tkun ikkunsidrata bħala apoloġija; “issa jekk Joseph Muscat ma jridx jagħmel apoloġija…ma jagħmilhiex!”.