Internazzjonali Lokali

Jinsab Malta… imma qalbu għadha mal-fqir u l-batut fil-Kenja

Joe Cassar

Ma nkunux niżbaljaw jekk ngħidu li l-pandemija COVID-19 biddlet id-dinja.

Mhux biss ħalliet mijiet ta’ eluf vittmi u miljuni ta’ persuni infettati bil-virus madwar id-dinja kollha, imma ħalliet u għadha qed tħalli effetti katastrofiċi oħra, fosthom dawk ekonomiċi flimkien ma’ konsegwenzi loġiċi ta’ saħħa mentali.

Ħalliet ukoll familji mifruda mill-għeżież tagħhom u wkoll – anki jekk forsi ma jiġix f’moħħna kif ġieb u laħaq – bosta missjunarji li kellhom għal raġuni jew oħra jinfirdu mill-komunitajiet li tant kienu jiddependu fuqhom għall-għajnuna u l-appoġġ, kemm materjali kif ukoll morali, l-aktar dawk li jaħdmu f’pajjiżi hekk imsejħa ‘tal-missjoni’.

Iltqajt u tkellimt proprju ma’ wieħed minn dawn il-missjunarji, li hu l-Eċċellenza Tiegħu Joe Alessandro, Isqof Malti f’Garissa, il-Kenja.

L-Isqof Alessandro bħalissa jinsab Malta, fil-kunvent tal-patrijiet Kapuċċini fil-Furjana, għar-raġuni li l-ajruporti fil-Kenja ilhom magħluqin xhur minħabba l-pandemija li għakkset lil dan il-pajjiż diġà mifni bi problemi kbar oħra, u għalhekk għadu jistenna l-opportunità biex minkejja kollox imur lura fost komunità li tant tħobbu u tant tapprezza dak li għamel u għadu jagħmel magħha.

Monsinjur Alessandro, li din is-sena ċċelebra l-50 anniversarju tas-saċerdozju tiegħu bħala patri Franġiskan Kapuċċin, kien ordnat Isqof fis-sena 2012 u sitt snin ilu kien maħtur Isqof fid-djoċesi ta’ Garissa fil-Kenja.

Meta tkellimt miegħu qalli li minkejja li jinsab Malta, ħsibijietu huma fil-komunità ta’ Garissa li ħalla warajh u li jaf li bħalissa għaddejja minn tbatijiet straordinarji, ikbar minn dawk tas-soltu kawżati mill-faqar tal-pajjiż.

Spjegali mill-ewwel li minbarra l-faqar u l-konsegwenzi traġiċi tal-pandemija fil-pajjiż, għadd ta’ lokalitajiet fil-Kenja fix-xhur li għaddew spiċċaw jissieltu ma’ problema ġdida hekk kif miljuni ta’ ġurati invadew għadd ta’ lokalitajiet tal-Kenja u ħolqu kaos, ħsarat u tbatijiet għar-residenti, uħud minnhom fid-djoċesi li hu responsabbli minnha l-Isqof Joe Alessandro.

Il-ġurati kielu l-ħxejjex tal-bdiewa u ħallewhom nieqsa wkoll mill-ikel li r-raħħala kienu jagħtu lill-annimali tagħhom li minnhom kien jiddependi l-għajxien ta’ bosta. Konsegwenza ta’ dan, il-prezz tal-prodotti tal-ħxejjex għola ħafna, b’detriment għall-familji foqra. Sadanittant fi ftit jiem il-ġurati tkattru bl-eluf u l-miljuni u aktar ma tgħammru u żdied in-numru tagħhom, aktar żdiedu l-problemi.

Miljuni ta’ ġurati qerdu l-prodotti agrikoli fir-reġjun

Il-virus li ħarbat il-ħajja prattikament taċ-ċittadini kollha tad-dinja, min b’mod u min b’ieħor, naturalment kompla jżid il-problemi ta’ faqar u miżerja għal bosta familji u tfal. Numru kbir ta’ rġiel tal-familja spiċċaw bla xogħol u oħrajn li kienu jaqilgħu ftit flus matul il-jum biex isostnu lil uliedhom, spiċċaw maqfulin ġewwa minħabba lock-down ordnat fil-pajjiż.

Problema oħra hi l-għeluq tal-iskejjel fejn għall-inqas it-tfal kienu jsibu l-ikel provdut mill-Knisja Kattolika mmexxija mill-Isqof Malti, Knisja li tmexxi tmien skejjel tan-nurseries u ħames skejjel oħra primarji, li bejniethom jipprovdu l-edukazzjoni u l-ikel ta’ kuljum lil madwar 3,000 student.

Tfal jingħataw l-ikel f’waħda mill-iskejjel kattoliċi f’Garissa

Dawn l-istudenti kollha issa sabu ruħhom id-dar u għalhekk l-Isqof u xi saċerdoti oħrajn li jgħinuh qed jaraw li jwasslu l-għajnuna li jistgħu f’dawn id-djar. Ġest sabiħ li l-Knisja f’Garissa ma tillimitahx biss għall-familji Nsara imma tħares lejn dawk l-aktar foqra, inkluż numru kbir ta’ Musulmani.

Il-Gvern tal-lokal issa qed iħejji biex jerġa’ jagħti l-permess li jiftħu l-iskejjel, aktarx f’Jannar li ġej, imma b’ħafna restrizzjonijiet li jiswew il-flus u li jridu jsiru minn dawk li jmexxu l-iskejjel mingħajr l-ebda għajnuna mill-Gvern tal-pajjiż.

U qisu dan ma kienx biżżejjed għal dan il-poplu, ftit ilu x-xmara bl-isem TANA faret b’xita qawwija u għerrqet għadd kbir ta’ djar li kienu mibnija madwarha. Ħafna minn dawn id-djar kienu magħmulin minn tajn u qasab u għalhekk sfaxxaw għalkollox u s-sitwazzjoni ġabet magħha ħafna mard bħal malarja u mard ieħor infettiv.

Ix-Xmara Tana faret u għarrqet diversi villaġġi

Is-sitwazzjoni attwali

In-numri f’dik li hi pandemija għadhom għoljin fil-Kenja u s-sitwazzjoni għadha pjuttost imwiegħra. Din il-pandemija affettwat ħafna l-ħidma pastorali mal-Insara peress li l-knejjes ingħalqu u l-kuntatt tas-saċerdoti u s-sorijiet man-nies li kienu jiġu l-knisja anki mill-bogħod għas-sagramenti u t-tagħlim sar diffiċli ħafna.

Minn ftit ġimgħat ’l hawn l-awtoritajiet taw permess li l-knejjes jerġgħu jiftħu l-bibien tagħhom iżda b’ħafna restrizzjonijiet u limitazzjonijiet.

Minbarra din il-preokkupazzjoni għall-Isqof Malti, preokkupazzjoni oħra hi l-iskejjel tad-djoċesi, li għadhom magħluqin b’konsegwenzi ta’ aktar tbatijiet għat-tfal li jkollhom jibqgħu fi djarhom, ’il bogħod mill-għalliema u mill-istudenti sħabhom.

Minkejja li l-iskejjel tad-djoċesi huma Kattoliċi, dawn jilqgħu fihom anki tfal minn reliġjonijiet oħra, fosthom numru ta’ Musulmani li l-ġenituri tagħhom iġibu hemm għax jafu li m’għandhomx il-biża’ xi ħadd se jipprova jikkonvertihom. Għall-kuntrarju dawn jingħataw il-ħin u l-opportunitajiet li jitolbu bid-drawwiet u t-tradizzjonijiet tagħhom bl-aktar mod faċli.

Kull nhar ta’ Erbgħa tkun organizzata Quddiesa għat-tfal Insara u f’dak il-waqt it-tfal Musulmani jinġabru jitolbu skont it-twemmin tagħhom fil-klassi. Anki għalliem Musulman hemm fl-iskola u dan jgħin biex jieħu ħsieb aktar mill-qrib lil dawn l-istudenti.

B’turija ta’ kemm il-Knisja Kattolika hi fdata mill-Musulmani fit-tmexxija ta’ dawn l-iskejjel, l-Isqof Alessandro rrakkuntali ġrajja ħelwa ta’ meta kien hemm seminarist Kattoliku li kellu ċ-ċerimonja tal-ordinazzjoni tiegħu bħala djaknu f’parroċċa oħra u xtaq lit-tfal tal-iskola jattendu għaliha. It-tmexxija tal-iskola avżat b’din l-attività lill-ġenituri ta’ tfal Musulmani u dawn, min-naħa tagħhom, ma sabu l-ebda oġġezzjoni li wliedhom jattendu.

Kienet organizzata coach biex tieħu lit-tfal li xtaqu jattendu għal din l-ordinazzjoni u ġara li wieħed mit-tfal Musulmani wasal ftit tard u l-coach laħqet telqet. Il-ġenituri tiegħu tant kienu diżappuntati li ħallsu taxi biex isegwi l-coach u kif laħqu għamel sinjal lix-xufier biex jieqaf, niżżel lit-tifel mit-taxi u dan tela’ fil-coach biex ingħaqad mal-kumplament tat-tfal l-oħra u seta’ jattendi hu wkoll għall-ordinazzjoni.

“Ir-relazzjonijiet bejnietna huma tajbin ħafna,” qal Monsinjur Alessandro. Kompla li meta xi terroristi Musulmani jagħmlu xi att vandalu kontra l-Insara, numru ta’ Musulmani jiġu jfittxuh biex jitolbu apoloġija f’isimhom.

L-iskejjel tal-Knisja fid-djoċesi huma miftuħa għal kulħadd, għal dawk li jifilħu jħallsu xi ħaġa u anki għal dawk li ma jifilħu jħallsu xejn.

Meta sparaw fuqu fid-Djoċesi ta’ Garissa

Fr Joe Alessandro jittieħed l-Isptar f’Nairobi wara li kienu sparaw fuqu fl-1989

Ix-xogħol missjunarju tal-Isqof Joe Alessandro fil-Kenja jmur lura għall-1989 meta kien għadu patri u ngħaqad fil-missjoni mibdija mill-patrijiet Kapuċċini Maltin f’Garissa fl-1974.

Ix-xewqa tiegħu għall-missjoni fil-Kenja kienet bdiet proprju minn dak iż-żmien, imma kien għadu ġej mill-istudji tiegħu barra l-pajjiż u talbuh jagħti l-kontribut tiegħu f’Malta sakemm fl-1989 ingħata l-permess biex imur.

Mar mill-ewwel Garissa u beda jgħin mill-ewwel fil-pastorali u fl-opri ta’ karità bħal tqassim tal-ikel lil tfal u familji foqra u dak kollu li kien ikun hemm bżonn. Tliet snin wara ntgħażel bħala s-Superjur tal-Kapuċċini fil-Kenja u għalhekk kellu jmur fil-kapitali Nairobi. Biss hemm dam biss inqas minn sena għax għadda minn esperjenza kerha li biddlitlu d-direzzjoni ta’ ħajtu.

Ftit xhur biss wara l-wasla tiegħu f’Nairobi, Fr Joe Alessandro kien qed jivvjaġġa biex iżur seminarju tal-patrijiet Kapuċċini fid-djocesi ta’ Garissa fejn xi żgħażagħ kienu qed jagħmlu l-istudji tagħhom, u waqt li kien sejjer lura kien attakkat minn grupp terroristiku li, aktarx bl-iskop li jisirqu, bdew jisparaw u laqtu lil Fr Joe li spiċċa ferut b’mod gravi u wara xi tliet ġimgħat fi sptar lokali, anki bl-intervent tal-Professur John Rizzo Naudi, dak iż-żmien fil-kariga ta’ Segretarju Parlamentari f’Malta imma li kien għamel xogħol volontarju fil-Kenja bosta drabi, kellhom isifruh Londra għal operazzjonijiet li ma jsirux fil-Kenja u hemm dam madwar tliet xhur rikoverat fi sptar.

Wara, Fr Joe inġieb Malta fejn wara kura ġdida f’pajjiżna, ingħata responsabbiltajiet ġodda hawnhekk.

Mons. Alessandro spjega l-gravità ta’ dak l-attakk fuqu. L-isparatura kissritlu ħafna għadam u għadu sal-lum iġorr fih parti mill-bullet li laqtitu mill-viċin.

Wara sitt snin Malta, fejn minħabba l-kura li ħa qajla seta’ jsiefer minkejja li dejjem żamm kuntatt mal-missjoni fil-Kenja, intgħażel bħala Provinċjal. Hekk kif skada t-terminu tiegħu ta’ sitt snin oħra, l-Isqof ta’ Garissa, Mons. Paul Darmanin, Malti wkoll, staqsieh jistax jagħti kontribut hemmhekk. U fl-2010 reġa’ sab ruħu l-Kenja, it-tieni pajjiż tiegħu.

Wara sentejn Fr Joe Alessandro kien nominat bħala Isqof Koadjutur ta’ Garissa imma ċ-ċerimonja tal-konsagrazzjoni tiegħu bħala Isqof saret f’Malta għaliex kif din il-ħatra kienet imħabbra, kien hemm attakk terroristiku fuq il-Katidral ta’ Garissa u ma kienx għaqli li ċ-ċerimonja ssir hemmhekk.

Fil-Kenja l-Kattoliċi jingħad li huma madwar 35 fil-mija tal-popolazzjoni. Imbagħad hemm numru sostanzjali ta’ Knejjes Protestanti u ħafna taħlit ta’ reliġjonijiet differenti, uħud minnhom estremi fit-twemmin tagħhom.