Coronavirus Internazzjonali Lokali Saħħa Turiżmu

Jittestja pożittiv f’Ruma mar-ritorn minn Malta

Ritratt: Notizia.it
Dan propju fl-ewwel ġurnata ta' testing fl-Ajruport ta' Fiumicino f'Ruma

Il-pandemija tkompli tgħolli rasha madwar id-dinja kollha, partikolarment f’pajjiżi li kienu kkontrollaw l-ewwel mewġa, hekk kif globalment il-kazi telghu ghal 21 miljun u kien hemm aktar minn 770,000 fatalita’.

Din iż-żieda qed jarawha l-aktar il-pajjiżi Ewropej, b’bosta pajjiżi jerġgħu jimponu lockdown fir-reġjuni l-aktar milquta u oħrajn daħħlu l-miżuri t’ilbies ta’ maskri u ż-żamma ta’ distanzi soċjali.

Fl-ewwel ġurnata ta’ testing fl-ajruport ta’ Fiumicino f’Ruma, l-ewwel persuna li ttestja pożittiv għall-Coronavirus kien żagħżugħ minn Pescara li kien għadu kif irritorna minn Malta b’titjira tar-Ryanair.

Filwaqt fil-Veneto, fost 14,000 test fi 48 siegħa minn wasliet bl-ajru fir-reġjun, instabu 37 pożittiv, fosthom nies li waslu minn Malta. Mill-Italja ukoll, huma 2500 it-turisti li telghu abbord l-MSC Grandiosa li telaq mill-port ta’ Genoa u li jinsab fi triqtu lejn Malta fi vjaġġ ta’ 7 ijiem.

Intant, fir-Renju Unit, aktar minn 100,000 applikaw biex jippartecipaw fil-provi tal-vaċċin tal-COVID-19 mill-NHS, bir-riċerkaturi jappellaw għal ħtieġa t’aktar voluntiera.

U l-linja tal-ajru, Ryanair, ħabbret li se tkun qed tnaqqas il-kapaċità tagħha b’20% bejn Settembru u Ottubru wara tnaqqis notevoli fir-riżervazzjonijiet fl-aħħar minħabba l-inċertezza maħluqa biż-żieda ta’ każi ta’ COVID-19 fil-pajjiżi Ewropej. Din id-deċiżjoni se tolqot l-aktar n-numri ta’ titjiriet minflok l-għeluq ta’ rotot.

Fi zviluppi ohra, il-Ġappun qed jesperjenza l-akbar daqqa ekonomika fl-istorja hekk kif l-ekonomija ċkienet b’7.8% f’din l-aħħar kwart tas-sena. Dan waqt li l-Prim Ministru Ġappuniż qiegħed rikoverat l-isptar b’għajja kbira kawża ta’ ħidmietu biex jikkontrolla l-pandemija.

U fi New Zealand, il-Prim Ministru Jacinda Ardern posponiet l-elezzjonijiet skedati għas-17 t’Ottubru kawża taż-żieda ta’ każijiet fil-belt ta’ Auckland.