Lokali

“Kulmin hu f’kariga ta’ tmexxija pubblika għandu jagħti l-eżempju” – il-Kamra tal-Kummerċ

“Il-Kap tas-Servizz Pubbliku għandu jagħmel dak li hu sew fl-interess tal-Governanza Tajba”. Sostniet dan il-Kamra tal-Kummerċ fi stqarrija hekk kif fl-aħħar sigħat ħarġet l-aħbar li l-Konsul Malti għal Shanghai, Aldo Cutajar, tressaq il-Qorti akkużat b’ħasil tal-flus.

Aldo Cutajar jiġi ħu l-Kap tas-Servizz Pubbliku Mario Cutajar. Il-Kamra tal-Kummerċ tenniet li ma tistax tifhem kif raġel li kien instab ħati ta’ frodi u kien kundannat b’interdizzjoni ġenerali, reġa iddaħħal fis-Servizz Pubbliku.

Aldo Cutajar (liebes flokk aħmar) tressaq il-Qorti l-Ħadd fuq akkużi ta’ ħasil ta’ flus

“Filwaqt li tinnota d-dikjarazzjoni tas-Segretarju Permanenti Ewlieni u ċertament mhux qed takkużah b’imġieba ħażina, il-Kamra tal-Kummerċ ssostni li l-pubbliku jistenni li tittieħed azzjoni eżemplari u korretta”.

Għalkemm l-istqarrija ma tgħidx eżattament x’inhu, il-Kamra tal-Kummerċ tħeġġeġ lil Mario Cutajar biex jagħti l-eżempju tajjeb billi jwettaq “the right thing.”