Lokali

L-Avukat Ġenerali jgħid li kien suġġett għal “kritika inġusta… biex joħolqu perċezzjonijiet foloz”

Fl-ittra tar-riżenja tiegħu li issa Peter Grech għamel pubblika, qal li d-deċizjoni li jwarrab ma kienitx waħda faċli iżda li ħadha wara li laħaq l-eta tal-pensjoni tiegħu.

Peter Grech qal li hu dejjem wettaq dmiru skont il-Kostituzzjoni, u esprima d-dispjaċir tiegħu għall-mod kif ġie stmat fid-dibattitu politiku, li skont hu kien “ta spiss dizappuntanti… inġust..u dirett biex joħloq perċezzjonijiet foloz”.

Hu qal li meta hu ma rribattiex dak li ntqal fil-konfront tiegħu, ġie interpretat li qed jaċċetta dawn l-akkużi.

Peter Grech ilmenta li l-kritika dwaru u b’mod partikolari dwar il-qadi ta’ dmirijietu bħala Avukat Ġenerali kienet inġusta u li d-diversi attakki fuqu u l-interpretazzjonijiet mgħawwġin ta’ uħud mid-deċiżjonijiet li ħa ma waqqfuhx milli jompli jaqdi dmiru fedelment bħala Avukat Ġenerali.

Hu qal li dan li ġie fi tmiemu kien vjaġġ iebes iżda ta’ sodisfazzjon.

Intnat, fi stqarrija separata maħruġa mill-istess uffiċju ġie mgħarraf li twaqqfet Kummissjoni għall-Ħatra ta’ Avukat Ġenerali ġdid. Proċess li se jitmexxa mill-Imħallef Emeritus Michael Mallia, bl-Imħallfin Emeriti Lawrence Quintano u Antonio Mizzi bħala membri.