Coronavirus Internazzjonali Saħħa

L-elezzjoni ġenerali posposta b’xahar minħabba l-Coronavirus

Il-PM ta' New Zealand Jacinda Ardern fil-Parlament

Minkejja li hu fost l-iktar pajjiżi li kellu suċċess biex irażżan l-imxija tal-Coronavirus, l-aħħar cluster ta’ każi f’Auckland, l-ikbar belt ta’ New Zealand, wassal biex il-Prim Ministru Jacinda Ardern tipposponi l-elezzjoni ġenerali tal-pajjiż.

Fil-fatt, f’konferenza tal-aħbarijiet, Ardern ħabbret li l-elezzjoni ġenerali se tiċċaqlaq mid-19 ta’ Settembru għas-17 ta’ Ottubru ta’ din is-sena. Il-PM qalet li din id-deċiżjoni se tagħti iktar spazju lill-Kummissjoni Elettorali u lill-partiti politiċi jippjanaw kif se jmexxu l-kampanji tagħhom taħt dawn iċ-ċirkostanzi straordinarji.

Dan fl-isfond ta’ disa’ każi ġodda ta’ Coronavirus f’Auckland fl-aħħar sigħat biex it-total ta’ każi f’din il-belt issa telgħu għal 58. Minn contact tracing li sar, jirriżulta li l -ewwel każ imur lura għall-31 ta’ Lulju meta ħaddiem f’ħanut kellu s-sintomi tal-Coronavirus.

Dawn il-każi ġew wara li New Zealand għamel iktar minn tliet xhur mingħajr każ wieħed ta’ Coronavirus. Skont iċ-ċifri tal-Universita’ Medika Johns Hopkins tal-Istati Uniti, kien hemm 1,600 każ ta’ Covid-19 fi New Zealand bi 22 minnhom jirriżultaw fatali. New Zealand għandu popolazzjoni ta’ kważi 5 miljun persuna.