Coronavirus Lokali Saħħa

“L-ittestjar għandu jsir lil kull min jasal lura Malta” – MAM

Fl-ewwel reazzjonijiet tiegħu għall-miżuri l-ġodda li tħabbru t-Tnejn filgħodu, il-President tal-Assoċazzjoni Medika Maltija Martin Balzan saħaq li t-testijiet għandhom isiru lil kull min jirritorna lura pajjiżna.

Il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li min-nhar il-Ġimgħa, kull min jirritorna lura Malta minn dawk il-pajjiżi li jinsabu fil-lista l-oranġjo għandu jippreżenta ċertifikat ta’ swab test negattiv li jkun sar f’mhux iktar minn 72 siegħa qabel. Apparti dan, mal-wasla tagħhom fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, mhux eskluż li jsir ukoll random testing lill-passiġġiera.

Martin Balzan enfasizza li din il-proċedura għandha tintalab li ssir lil kull min ikun ġej lura f’pajjiżna minn kwalunkew pajjiż ieħor madwar id-dinja kollha.

Il-President tal-MAM laqa’ b’sodsfazzjon il-miżuri mħabbra sabiex jingħaqlu l-clubs, id-diskoteki, il-bars u l-barijiet fi ħdan il-każini, u jitwaqqfu l-boat parties, kif ukoll li jintilbsu maskri protettivi f’kull post pubbliku.

Martin Balzan enfasizza dwar l-importanza li n-nies ikunu ddixxiplinati u jsegwu l-miżuri kollha ta’ mitigazzjoni. Qal li huwa importanti ferm li l-Gvern ikompli bl-infurzar tiegħu u jingħataw multi lil kull min jikser il-liġi. Balzan qal li żgur ma jistax jerġa’ jkollna Prim Ministru li jagħti l-amnestija lil dawk li jkunu qalgħu multa.