Coronavirus Lokali Saħħa

Nuqqas ta’ dixxiplina u infurzar tefgħuna lura

Il-Kamra tal-Kummerċ laqgħet il-miżuri li tħabbru llum mill-Awtoritajiet tas-Saħħa bil-għan li titrażżan iż-żieda fil-każi ta’ Coronavirus ta’ dawn l-aħħar ġimgħat. Fi stqarrija, il-Kamra tal-Kummerċ għamlet diversi talbiet għal linji gwida iktar ċari għan-negozji biex titħares is-saħħa u s-sigurta’ ta’ kulħadd

Il-Kamra tal-Kummerċ tifhem li ċertu restrizzjonijiet fuq il-bars kellhom jidħlu mill-ġdid minħabba nuqqas ta’ dixxiplina u ta’ infurzar f’ċertu setturi tal-ekonomija. L-istqarrija tkompli li t-tkomplija tal-attivita’ kummerċjali tiddependi fuq imġieba responsabbli minn kulħadd u infurzar effettiv.

Il-Kamra tal-Kummerċ ittenni li l-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel f’Settembru hu kruċjali, mhux biss biex l-ekonomija taħdem kif suppost iżda wkoll biex ġenerazzjonijiet futuri ma jkollhomx nuqqasijiet mill-lat edukattiv li jipperikola l-futur tagħhom u tnaqqir fil-ħiliet tar-riżorsa umana tal-ġejjieni

Il-Kamra tittama li nitgħallmu minn dak li ġara fl-aħħar ġimgħat. “Il-mexxejja tagħna, in-negozji u l-pubbliku in ġenerali irir jifhem il-gravita’ tas-sitwazzjoni u naġixxu flimkien biex ma nieħdux iktar passi lura.”

Il-Kamra tal-Kummerċ tħeġġeġ lill-Gvern biex ikollu pjan ċar għal kif se noħorġu minn dawn ir-restrizzjonijiet u l-pjan għandu jkun komunikat mal-istakeholders kollha biex jiġi implimentat b’mod effettiv u sigur.

“Biex l-ekonomija tirpilja b’mod b’saħħtu teħtieġ popolazzjoni b’saħħitha, ” ittemm l-istqarrija.