Lokali Qorti

Sena ħabs u multa fuq droga li nstabet f’karozza mhux għal użu personali

Minn messaġġi li nstabu f’wieħed mill-mobiles ta’ Melvin Debono ta’ 29 sena, jirriżulta li kien isir diskors bħal ‘delivered’. Messaġġi li kienu jintbagħtu matul il-lejl. Dan kollu jindika li d-droga kokaina li nstabet fil-karozza tiegħu ma kinitx għal użu personali tiegħu u għalsdaqstant ġie kundannat sena ħabs.

Il-Maġistrat Doreen Clarke qalet li mill-provi jirriżulta li meta Debono, residenti l-Isla twaqqaf mill-Pulizija huwa kien qed isuq karozza u bejn is-seats kien hemm kontenitur tal-metal li fih kien hemm tmien qratas li kienu jikkontjenu sustanza bajda.

Dan il-fatt jirriżulta minn xhieda ta’ tliet Surġenti tal-Pulizija li kienu nvoluti fit-twaqqif tal-imputat u t-tfixxija li saret fuq il-persuna tieghu u fil-karozza, xhieda li l-Qorti m’għandha l-ebda raġuni għalfejn tiddubitaha.

Minkejja li l-Prosekuzzjoni ma ġabitx prova dwar ta’ min hi l-karozza li fiha nstab l-imputat, dan jammetti f’l-istqarrija li għalkemm il-karozza kienet ta’ zijuh, kien jużaha hu.

Mir-rapport tal-espert Gilbert Mercieca jirriżulta li dik is-sustanza kienet kokaina u jirriżulta wkoll li sitta minn dawn il-pakketti kellhom tokka ħamra fuqhom, jekk kif jirriżulta li sitt pakketti kien fihom bejn wieħed u iehor l-istess piż ta’ bejn 0.3 u 0.4 grammi fil-waqt li t-tnejn l-ohra kien fihom 0.195 grammi u 0.268 grammi rispettivament.

Fil-pussess ta’ Debono nstabu tliet mobile phones. Dawn ġew spezzjonati mill-espert nominat Keith Cutajar. Il-mobiles kollha kienu jaħdmu ghalkemm f’wieħed minnhom ma ġiet innotata l-ebda attività.

Fit-tnejn l-oħra giet reġistrata attivita ta’ jumejn: id-19 u l-20 ta’ Frar 2016, jiġifieri l-ġurnata li gie arrestat Debono u l-ġurnata immedjatament ta’ qabel.

F’wieħed mill-mobiles hemm ftit messaggi skambjati u jindikaw li huma messaġġi skambjati mat-tfajla. F’l-ieħor hemm numru ta’ messaġġi skambjati ma diversi persuni għalkemm il-maggoranza tagħhom ma’l-istess persuna.

Dawn il-messaġġi kwazi kollha jirreferu għal xi inkontru. Ħaġa li tispikka hija ukoll il-ħin ta’ uħud mill-messaggi li ntbagħtu kwazi fit-tlieta u fil-ħamsa ta’ fil-għodu.

Jispikkaw ukoll numru ta’ messaġġi li jgħidu “delivered”; dawn il-messaġġi “delivered” kollha jsegwu messaġġ jew messaġġi qosra mill-istess numru bħal “wasalt”jew “fadallek”.

Il-kontenut tal-messaġġi f’dawn iż-żewg mobiles jindika li wieħed jintuża mal-membri tal-familja jew nies qrib ta’ l-imputat (dak li kien fih ftit messaġġi), fil-waqt li l-ieħor jintuza għal affarijiet oħra.

Dan huwa rifless anke f’dak li jgħid l-imputat f’l-istqarrija li wiehed mill-mobiles jużah mal-familja u l-ieħor għax-xoghol tal-bejgħ tal-karozzi għalkemm l-messaġġi u l-ħin li fih intbagħtu diffiċilment jistgħu jiġu rikonċiljati ma’ xi negozju tal-bejgħ tal-karozzi.

Fid-dawl ta’ dan kollu l-Qorti hija konvinta mhux biss li d-droga misjuba fil-kontenitur kienet tal-imputat, fatt li huwa ammess minnu, imma hija konvinta ukoll li dik id-droga ma kenitx għall-użu esklussiv tiegħu u dan tgħidu minħabba l-piż li kellhom il-pakketti, it-tikka hamra fuq uħud mill-pakketti, l-fatt li kellu tliet mobiles, il-messaġġi li kienu qed jiġu skambjati f’wieħed mill-mobiles, u l-ammont ta’ flus li nstabu fuq l-imputat.

Dwar il-piena ħadet in konsiderazzjoni n-natura tar-reati li tagħhom qed jinstab ħati u l-kondotta tiegħu; hadet in konsiderazzjoni ukoll lk-wantità u x-xorta tad-droga li ntabet fil-pussess tiegħu. Ghal dawn il-motivi l-Qorti kkundannatu sena priġunerija u multa ta’ €1,000.

L-Ispettur Malcom Bondin qal fil-Qorti li a bazi ta’ informazzjoni kunfidenzjali, kienet saret osservazzjoni fuq l-imputat. Fl-20 ta’ Frar 2016 huwa kien twaqqaf waqt li kien qed isuq karozza Pajero fi Triq Ħal-Qormi Marsa.

Dak il-hin kien fil-preżenza tat-tfajla tieghu. Fil-kors ta’ tfixxija li saret instabu tmien pakketti b’sustanza bajda u s-somma ta’ €410 kif ukoll xi mobile phones.

Meta nstabu dawn l-affarijiet l-imputat ġie arrestat u saret tfixxija ukoll fid-dar tiegħu. Ix-xhud spjega li fir-residenza ta’l-imputat kien jgħix ukoll żagħżugħ ieħor, u fil-kamra li kien juża dan il-ġuvni nstabu diversi qratas b’sustanza kannella suspettata eroina u qartas wieħed mdaqqas b’sustanza bajda, kif ukoll ‘crushers’ u tliet mobile phones.

L-Ispettur Bondin kompla jispjega li uħud mill-boroż li nstabu fil-pussess ta’ l-imputat kellhom tikka ħamra fuqhom. Melvin Debono lill-pulizija qallhom li t-tikka ma kienet tfisser xejn.

L-imputat qal li l-pakketti li nstabu fil-pussess tiegħu kienu għall-użu personali tiegħu. Is-Surġent Brandon Gauci qal li dak inhar fil-karozza nstab kontenitur tal-metall bil-pakketti ġo fih u nstab ukoll basket tad-ditta Addidas li fih kien hemm €410 fi flus kontanti. Il-kontenitur tal-mettal instab fin-nofs bejn is-seats.

Fl-istqarrija tiegħu l-imputat qal li huwa jgħix fid-dar tan-nanniet tat-tfajla tiegħu fejn kienu jghixu ukoll, flimkien man-nanniet, it-tfajla u ħuha. Mistoqsi dwar is-sustanza li nstabet qal li dik hija kokaina u li kienet għall-użu personali tiegħu, biex ipejjipha.

Kien speċifika li huwa kien ilu xi erbgħa snin jieħu d-droga pero juża biss kokaina u jieħu “darba fil-qamar”. Jispeċifika li kien hemm żmien meta kien jieħu ħames grammi kull nhar ta’ Sibt u Hadd pero issa jieħu biss darba kultant ghax ma kienx qed jaħdem u se jkollu baby.

Żied li kien ilu xi xahar ma jieħu droga pero ġietu leblieba u għalhekk reġa’ xtara. Huwa żied li dik il-kokaina fil-fatt kien xtraha il-ġurnata ta’ qabel u li issa kien qed jixtri xi żewġ grammi darba fix-xahar meta qabel kien jixtri xi darba l-Ġimgha u darba l-Ħadd.

Huwa ma jiftakarx eżatti kemm ħallas għal dawk iż-żewg grammi pero jgħid li xi €180 jew €200 pero jgħid li meta kien jixtri ħames grammi bil-prezz ta’ €350. Spjega li kien ilaħħaq ma’ dawn l-ispejjeż għaliex qabel kellu impjieg u kien jaqla madwar €1,200 fix-xahar u kien jaqla xi ħaġa oħra billi jbiegħ xi karozza.

Issa li m’għandux impjieg fiss kien idaħħal xi ħaġa billi jbiegh xi karozza u jgħin lil xi dealers fil-ħasil tal-karozzi. Mistoqsi għalfjen xtara tmien pakketti jekk kien qed inaqqas mid-droga jgħid li l-ġurnata ta’ qabel kellu problema fuq karozza u “daqshekk iċċappast”; qal ukoll li l-flus ġabhom mill-bejgħ ta’ karozza.

Huwa kkonferma li l-oġġetti u l-flus li ġew esebiti f’dawn il-proċeduri ġew elevati mingħandu. Dwar il-mobiles jgħid ukoll li wieħed minnhom (Samsung) imkisser u ma jaħdimx, l-iehor jużah ma tal-familja u l-ieħor “ghall-karozzi, ħbieb u hekk”. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Malcolm Bondin.