Coronavirus Sport Sport Ieħor

Simona Halep ukoll tagħżel li ma tikkompetix fl-Open tal-Istati Uniti

(Ritratt: EPA)

Tkompli tikber il-lista ta’ tennisti li ddeċidew li ma jikkompetux fl-Open tal-Istati Uniti li se jibda fl-aħħar ta’ dan ix-xahar. Wara li lbieraħ Belinda Bencic ħabbret li mhux se tieħu sehem illum, kien imiss lit-tennista Rumena Simona Halep li qalet li wara li kkunsidrat il-fatturi kollha ddeċidiet li għall-ġid ta’ saħħitha u saħħet it-tim tagħha, ikun l-aħjar li ma tikkompetix fl-Open tal-Istati Uniti minħabba l-pandemija tal-coronavirus.

Bid-deċiżjoni tas-seed numru tnejn fid-dinja, issa jibqa’ biss erba’ tennisti femminili li jinsabu mal-aqwa għaxra fid-dinja li se jieħdu sehem f’dan it-turnament. Intant, ġimgħatejn qabel ma jibda dan it-turnament, it-tennista Kei Nishikori ħabbar li rriżulta pożittiv għall-coronavirus u b’hekk il-parteċipazzjoni tiegħu tinsab f’riskju jekk ma jilħaqx jirkupra fil-ħin. Nishikori qal li minkejja s-sintomi tiegħu huma ħfief, għall-ġid ta’ kulħadd se jkun qiegħed ikompli jirkupra f’iżolazzjoni.