Coronavirus Lokali Saħħa

Abela jerġa’ jakkuża lin-nies li m’għandhomx dixxiplina

Fl-ewwel kummenti tiegħu lill-media minn mindu irritorna mill-vaganza fi Sqallija, il-Prim Ministru Robert Abela kellu jbaxxi rasu għall-fatt li x-xogħol fl-Isptar Mater Dei żdied b’mod qawwi minħabba ż-żieda fin-numru ta’ każijiet pożittivi ta’ COVID-19. Dan minkejja li sa ftit ilu kien ghadu qed jinsisti li s-sitwazzjoni hija “taħt kontroll”.

U filwaqt li r-risk assessments li fuqhom kellhom jitneħħew ir-restrizzjonijiet kollha baqgħu qatt ma ġew ippubblikat, Robert Abela ammetta li Malta bilfors kienet se tirreġistra żieda fil-każijiet malli bdejna nneħħu l-miżuri u nerġgħu niftħu.

Li ma qalx il-Prim Ministru hu, li l-Gvern fetaħ kollox f’daqqa…kuntrarju għall-pariri tat-tobba u l-esperti mediċi.

Intant, Robert Abela reġa’ tenna l-istess kliem li qal l-Ħadd li għadda fl-intervista tiegħu fuq l-istazzjon Laburista, u ċanfar lin-nies għan-nuqqas ta’ dixxiplina minn naħa tagħhom.

Għalkemm il-Prim Ministru qed ikompli jappella lill-pubbliku biex ikun iddixiplinat u jsegwi l-miżuri kollha ta’ mitigazzjoni…. mal-ewwel okkażjoni li kellu sabiex ikun hu stess li jagħti eżempju… Abela neħħa l-maskra eżatt qabel ma tana l-kummenti tiegħu.