Lokali

Arrestata wara li nqabdet bi droga f’vażetti tal-ħġieġ

Għaxar vażetti tal-ħġieġ instabu b’sustanza allegatament ħaxixa tal-kannabis.

Ġermaniża ta’ 26 sena residenti Tas-Sliema, ġiet arrestata wara li l-investigazzjonijiet mill-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Konta d-Droga flimkien mad-Dipartiment tad-Dwana, irriżultaw li l-mara impurtat droga biex allegatament tiġi traffikata.

L-investigazzjoniet bdew wara li fl-aħħar jiem id-Dipartiment tad-Dwana infurma lil Pulizija ta’ Kontra d-Droga li kienu waslu żewġ pakketti li kien fihom erba’ vażetti tal-ħġieġ b’sustanza allegatament ħaxixa tal-kannabis. Il-pakketti kienu indirrizati lil mara Ġermaniża.

Fuq din l-informazzjoni, illum waranofsinhar, il-Pulizija esegwit il-mandat t’arrest tal-mara. Hi ġiet arrestata f’appartament f’Tas-Sliema u minn tfittxija li saret, il-Pulizija sabet sitt vażetti oħra mimlija ukoll b’ sustanza allegatament ħaxixa tal-kannabis, oġġetti relatati mal-użu taddroga u madwar €8000 fi flus kontanti.

Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Ian Farruġia li ordna li ssir inkjesta u ħatar diversi esperti sabiex jassistuh. Il-mara qed tinżamm fil-lock-up tal-Pulizija fil-Furjana u mistennija titressaq il-Qorti b’arrest fil-jiem li ġejjin.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.