Futbol Sport

Barcelona jkeċċu lil Abidal minn direttur sportiv

(Ritratt: Sky Sports)

Barcelona ħabbru li keċċew lil Eric Abidal minn direttur sportiv tal-klabb, ġurnata biss wara li tkeċċa l-kowċ Quique Setien. It-tibdil ikompli fil-klabb wara l-umiljazzjoni li soffrew kontra Bayern Munich fiċ-Champions League fejn tilfu 8-2.

Il-klabb Spanjol irringrazzja lid-direttur tas-servizz tiegħu tul is-snin.

Abidal lagħab ma’ Barcelona bejn l-2007 u l-2013, fejn rebaħ erba’ kampjonati ta’ Spanja u żewġ Champions League. Meta rtira fl-2018, hu rritorna mal-klabb bħala direttur flok Roberto Fernandez. Huwa kien ir-raġuni ewlenija għala Setien sar kowċ ta’ Barcelona, wara li kien tkeċċa Ernesto Valverde, fejn l-istess direttur waħħal fil-plejers minħabba l-falliment tal-kowċ.

Ronald Koeman huwa l-favorit li jieħu post Setien bħala kowċ, filwaqt li għadu mhux magħruf minn se jieħu post Abidal.