Ambjent Lokali

Il-Birdlife tattakka l-pjan tal-Gvern li jisfida s-sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja

Ritratt: Birdlife
"Jekk jisfida s-sentenza dwar l-insib għall-għasafar tal-għana, il-Gvern ikun assurd u irresponsabbli"

Il-Birdlife ħarġet tattakka l-pjan tal-Gvern li jisfida s-sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja li fiha, il-Gvern Malti nstab ħati li fetħet staġuni tal-insib għall-għasafar tal-għana bi ksur tad-Direttiva Ewropea dwar l-Għasafar.

Fi stqarrija maħruġa t-Tlieta, il-Birdlife li hija sorpriża b’dan u saħqet li “huwa inaċċettabbli kif il-Gvern se juża l-iskuża tar-riċerka xjentifika biex jippermetti l-insib għall-għasafar tal-għana”.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana fakkar kif fl-imgħoddi, il-Gvern ħa deċiżjonijiet li dgħajfu u emendaw liġijiet apposta biex jinħoloq paraventu biex jinqatlu l-għasafar illegalment.

“Issa,” kompla Sultana, “il-Gvern irid joħloq paraventu ieħor biex għexieren ta’ eluf ta’ għasafar tal-għana jinqabdu billi b’mod kreattiv ikklassifika dan bħala studju xjentifiku.”

Fil-fehma tal-Birdlife, l-infurzar mhuwiex sodisfaċenti, jew saħanistra ineżistenti, u għalhekk l-NGO tinsab ċerta li din is-sistema se tiġi abbużata b’mod rampanti kif ġara f’każi oħra li fihom il-Gvern emenda l-liġijiet.

F’dan id-dawl, il-BirdLife se tpoġġi għadd kbir ta’ domandi dwar dan is-suġġett matul il-laqgħa tal-Kumitat ORNIS tal-ġimgħa ddieħla ħalli twaqqaf il-pjan tal-Gvern.

L-NGO fakkret kif l-għasafar qegħdin hemm biex jitgawdew minn kulħadd u mhux minn xi grupp privileġġjat li jsibha diffiċli biex jifhem is-sbuħija tan-natura.