Coronavirus Ekonomija Kummerċ Lokali Saħħa

“Il-Gvern falla bil-kbir” – l-Avukat Bernard Grech

“Kull Ministru fil-kabinett ta’ Robert Abela hu responsabbli għall-falliment kbir tal-Gvern fis-sigurtà tal-poplu u għall-konsegwenzi kbar ekonomiċi u soċjali li se nbatu lkoll minħabba din it-tieni mewġa.”

Dan qalu fi stqarrija l-Avukat Bernard Grech li huwa wieħed mill-persuni li ddikjara l-interess tiegħu għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista.

Bernard Grech qal li hekk kif l-ebda pajjiż fid-dinja ma kien lest għal din il-pandemija, din it-tieni mewġa kibret bla kontroll b’nuqqas serju u bl-irresponsabbilità ta’ Gvern li ħsiebu biss biex jippoppa flok jaqdi d-dmir essenzjali tiegħu lejn in-nies. Huwa qali li l-Gvern falla bil-kbir f’dan il-qasam u dan bla ma jista’ jwaħħal f’xejn u f’ħadd aktar.

Bernard Grech saħaq li għal darba oħra isem pajjiżna reġa’ ġie mżeblah bi skandli oħra fejn rajna kif l-eks konslu Malti għal Shanghai, Aldo Cutajar, qed jiġi akkużat b’ħasil ta’ flus u dħul minn attivitajiet kriminali. Dan minbarra r-riżenja tal-Avukat Ġenerali li naqas li jieħu azzjoni f’diversi każijiet. Għalhekk fid-dawl ta’ dan kollu hemm bżonn li tintrefa’ responsabbiltà politika.

L-Avukat Bernard Grech sostna li l-Partit Nazzjonalista jrid li l-ġid jitqassam bejn kulħadd u mhux bejn il-ftit tal-qalba fejn f’pajjiżna ma tibqax ħaġa normali li kuljum nisimgħu bi skandlu ġdid. Huwa temm jgħid li lkoll kemm aħna rridu nerġgħu nibdew inħossuna kburin li aħna Maltin.