Lokali Qorti

Il-kumpilazzjoni tal-eks Konslu ta’ Shangai u ta’ martu se tibda nhar it-Tnejn

Il-kumpilazzjoni ta’ Aldo Cutajar, eks konslu ta’ Malta għal Shangai, li flimkien ma’ martu Isabel Cutajar qed jiġi akkużat b’rabta ħasil ta’ flus se tibda nhar it-Tnejn filgħodu.

Il-polza messet lill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech fejn għall-ħabta tad-9.15am. se tibda tisma’ l-ġbir tal-provi fejn il-Prosekuzzjoni qed tikkontendi li l-koppja Cutajar kisbu propjetà minn dħul li ġie minn attività kriminali. Il-koppja tgħix f’villa fin-Naxxar li xtraw sentejn ilu.

Il-koppja Cutajar qed jgħidu li huma għandhom kollox irregolarizzat, inkluż il-kont ta’ €300,000 li kienu fetħu f’Dubai. L-akkużati ppreżentaw xi riċevuti tal-kontijiet tagħhom kollha biex juru li huma ma kisru l-ebda liġi..

Huwa mifhum li persuni oħra qegħdin jiġu nvestigati b’rabta ma’ dan il-każ u li jistgħu wkoll jitressqu l-Qorti, dejjem jekk jirriżulta li hemm provi biżżejjed. Fost dawn il-persuni hemm nies involuti fil-propjetà.

Sadanittant il-Pulizija mit-Taqsima ta’ Kontra r-Reati Maġġuri u mit-Taqsima ta’ Kontra l-Frodi komplew għaddejjin bil-ħidma tagħhom biex jiġbru aktar fatti u provi fil-każ tal-koppja.

Tul il-jum tat-Tnejn, esperti tal-Qorti kienu preżenti biex jivvalutaw l-oġġetti kollha li hemm fil-villa tal-eks Konslu ta’ Shangai. Għal ħin twil kienet għaddejja ukoll ħidma biex tiġi valutata il-propjeta’ innifisha…b’esperti fil-propjetà jindikaw li tiswa’ ‘l fuq minn miljun ewro.

Lejn l-aħħar tal-ġimgħa l-oħra l-Pulizija qalet li sabet is-somma ta’ €500,000 fi flus kontanti fir-residenza tal-koppja fin-Naxxar. Dan waqt tfittxija ntensiva li kienet qed issir għal aktar provi minn naħa tal-Prosekuzzjoni.

Preżenti mal-Pulizija waqt din il-ħidma kien hemm Aldo Cutajar innifsu, li jiġi ħu l-Kap taċ-Ċivil Mario Cutajar, li minn naħa tiegħu qed jiċħad li kellu xi forma ta’ għarfien dwar dan il-każ.

Aldo Cutajar kien daħal mal-Gvern fl-1989 u li rriżulta li minkejja li kien ingħata sentenza mill-Qorti, huwa qatt ma tkeċċa minn maċ-ċivil. F’Marzu tal-2018 huwa kien issostitwixxa lil Sai Mizzi, l-mara tal-eks Ministru Konrad Mizzi.

Fl-2004, meta kien Prinċipal Anzjan fil-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti, Aldo Cutajar kien tressaq il-Qorti fuq akkużi ta’ miżapproprijazzjoni ta’ fondi, fost oħrajn.

Fit-2 ta’ Frar 2005, Aldo Cutajar ammetta l-akkużi fil-konfront tiegħu u ngħata sentenza ta’ sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin, b’interdizzjoni perpetwa. Madankollu inqas minn xahrejn wara, il-Qorti tal-Maġistrati ddeċidiet li tneħħi l-interdizzjoni perpetwa.

Il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku kienet investigat il-każ skont ir-regoli fis-servizz pubbliku u fis-16 ta’ Ġunju 2005 irrakkomandat li l-interdizzjoni imposta fil-konfront ta’ Aldo Cutajar titneħħa skont kif iddikjarat il-Qorti.

Il-Kummissjoni kienet iddeċidiet li l-persuna in kwistjoni titlef il-paga miżmuma matul is-sospesjoni u tingħata twissija. Il-Prim Ministru Lawrence Gonzi kien qabel ma’ din ir-rakkomandazzjoni u ffirmaha fl-1 ta’ Lulju 2005.

Wara dan kollu, Aldo Cutajar ħadem f’diversi dipartimenti taħt diversi Ministeri. Il-koppja Cutajar li tressqet nhar is-Sibt li għadda f’jum Santa Marija nżammet arrestata wara li kienet miċħuda t-talba għal libertà proviżorja bil-Qorti tilqa’ t-talba li jiġu ffriżati l-assi kollha tagħhom.

Għall-koppja qed jidhru l-Avukati Roberta Bonello u Joe Giglio filwaqt li l-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Lianne Bonello.