Internazzjonali

Il-Libanu: Verdett ta’ ħtija dwar il-qtil ta’ Rafik Hariri

Wieħed min erba’ irġiel akkużati dwar l-assassinar, fl-2005, tal-eks Prim Ministru tal-Libanu, Rafik Hariri, spiċċa kundannat minn qorti speċjali appoġġjata min-Nazzjonijiet Uniti. L-akkużat, Salim Ayyash u t-tlieta l-oħra – kollha membri tal-grupp tal-militanti Xiti tal-Hezbollah – kienu ilhom mill-2014 għaddejjin minn proċess legali b’konnessjoni mal-qtil, fl-assenza tagħhom.

Il-qtil ta’ Rafik Hariri, fost l-aktar politiċi prominenti tal-komunità Sunni Musulmana, kien qajjem għadab kbir fil-pajjiż u ‘il hinn  minnu, bil-verdett jingħata fi żmien ta’ kriżi politika kbira fil-Libanu.

Ayyash instab ħati dwar sehem f’kumplott għal azzjoni terroristika filwaqt li nstab ħati wkoll bil-qtil ta’ Hariri u ta’ 21 persuna oħra. Il-verdett anki kkonferma li Ayyash kien implikat ‘f’attentat biex jinqatlu 226 oħra fl-isplużjoni suwiċida tal-karozza bomba li qerdet lil Hariri, fl-14 ta’ Frar tal-2005’.

L-imħallfin qablu li l-provi uriet li Ayyash kellu wieħed minn sitt telefons ċellulari li ntużaw mill-iskwadra ta’ qattiela li eliminaw lil Hariri. Il-qtil ta’ dan il-Prim Ministru kien mument importanti ħafna għal-Libanu u li minnu spuntaw l-alleanzi rivali li sawwru l-politika lokali għal snin wara.

It-tliet imputati l-oħra – Hussein Hassan Oneissi, Assad Hassan Sabra u Hassan Habib Merhi —  ma nstabux ħatja mit-Tribunal Speċjali għal-Libanu li hu bbażat fil-limiti ta’ The Hague fl-Olanda.

L-Imħallef li ppresieda l-każ, David Re, qal ukoll li ma kienx hemm provi li t-Tmexxija tal-Hezbollah jew tas-Sirja setgħu kienu implikati fl-attakk.

Dan meta l-militanti tal-Hezbollah dejjem ċaħdu għal sehem fil-qtil ta’ Rafik Hariri.