Ekonomija Lokali

“Is-self employed m’għandhomx jitħallew waħedhom” – PN

Il-Gvern għandu jippjana fit-tul biex jgħin u ma jħallix waħedhom ammont kbir ta’ self employed li jaħdmu għal rashom u/jew għandhom impjegati jaħdmu magħhom u li bil-miżuri li ġew imħabbra se jaraw u jkollhom in-negozji tagħhom magħluqa.

Fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Tisħiħ tal-Agrikoltura u s-Sajd, Delizzji, Self Employed u l-Koperattivi, Edwin Vassallo, il-PN saħaq li hekk kif in-numri tal-każijiet tal-COVID 19 kulma jmur qed jikber, is-self employed kemm jekk jaħdmu għal rashom jew jimpjegaw lill-ħaddiema qed jaraw id-dħul tagħhom jonqos.

Uħud baqgħu għaddejjin bil-vouchers iżda issa qed tidher li s-saħħa tal-flus qed tonqos, il-kuraġġ tal-infiq qed jispiċċa ristrett biss għal dawk l-affarijiet u s-servizzi essenzjali.

Quddiem din r-realtà fejn il-begħ qed jonqos, il-Gvern jeħtieġ joffri l-għajnuna biex ikun jista’ jgħin lis-self employed milquta jibqgħu jittamaw li mhux se jitilfu dak li investew fih. Il-preżent huwa diffiċli, il-ġejjieni huwa inċert u għalhekk il-Gvern huwa fi dmir li jgħin sabiex wara din l-imxija s-self employed jibqgħu jaħdmu u joħolqu x-xogħol.