Lokali

Jitlef ħajtu l-ġuvni li kien involut f’incident fuq id-dgħajsa

Tilef il-battalja mal-mewt Karl Pace li f’Ġunju li għadda kien involut f’inċident fejn id-dgħajsa li kien fuqha ħadet in-nar.

F’dan l-inċident, Pace kien sofra ħruq f’60% ta’ ġismu. Hu kien wieħed miż-żewġt irġiel midruba hekk kif fl-istess inċident weġġa’ gravi bi ħruq estensiv żagħżugħ ta’ 29 sena mill-Mellieħa.

Karl Pace, Għawdxi ta’ 34 sena, weġġa’ wara li d-dgħajsa ħadet in-nar waqt li kien rieqed. Huwa kien ilu minn dakinhar tal-inċident fit-taqsima tal-kura intensiva.

Kien ftit tas-sigħat ilu li l-famlijari tiegħu ħabbru fuq il-midja soċjali li Pace tilef il-battalja mal-mewt kawża tal-ġrieħi serji li sofra. Ħu Chris Pace kien fost dawk li kitbu fuq Facebook biex jesprimu n-niket tagħhom għat-telfa ta’ Karl. Kienu ħafna dawk li ddeskrivewh bħala raġel umli b’qal tad-deheb.

Ftit wara l-inċident, sħabu kienu bdew jiġbru fondi biex jgħinu fil-kura ta’ Karl u l-ewwel tir kien li jinġabru €15,000. B’kollox inġabru ftit iktar minn €17,000.

Mhux maghruf minn xiex u kif kien beda in-nar dakinhar tal-inċident illi qered numru ta’ jottijiet fil-port taż-Żewwieqa, faċċata tal-moll tal-Gozo Channel. Il-każ kien seħħ għall-ħabta tal-3:30am bl-uffiċjali tal-protezzjoni ċivili jissejhu mal-ewwel fil-post biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni.

In-nar tant kien qawwi, li dam numru ta’ sigħat biex ġie ikkontrollat u kellhom jissejħu anke xi units tas-CPD minn Malta.