Coronavirus Lokali

Kuntrarju għal dak li qal Fearne, il-bars se jibqgħu miftuħin

Sidien ta' stabbilimenti żgħar jgħidu li l-Gvern "aktar qed joħloq konfużjoni"

Wara pressjoni li għamlet il-Ministru Julia Farrugia, il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne kellu jbaxxi resu u jerġa’ jbiddel ir-regolamenti li kienu tħabbru t-Tnejn rigward il-ftuħ ta’ postijiet tad-divertiment. Dan fl-ambitu tal-fatt li f’dan il-perijodu, komplew jiżdiedu n-numri ta’ Coronavirus f’pajjiżna.

It-Tnejn, il-Ministru Chris Fearne kien qal b’mod ċar li “bars, diskoteki u każini ma kienux se jitħallew joperaw” – għajr għall-barijiet li jservu ikel.

Issa, wara intervent dirett mill-Ministru tat-Turiżmu, anke dak li tħabbar il-bieraħ reġa’ inbidel. Dan ħoloq konfużjoni sħiħa fost diversi operaturi li tkellmu ma’ Net News.

L-Avviż Legali li kien ippubblikat illum jindika b’mod ċar li anke jekk wieħed iservi sempliċiment appetizers ikun jista’ jżomm il-bar miftuħ. Anke l-każini se jibqgħu miftuħin.

Dan is-sit ra ukoll nota mill-MTA illi saħansitra tgħid li anke l-famużi pakketti (bħal dawk tal-crisps) huma kunsidrati bħala “ikel”.

Sal-bieraħ, tant kienet ċara li se jingħalqu l-każini illi anke l-Każin tal-Partit Laburista fil-Floriana għamel “happy hour” għal min ried iqatta’ s-serata tat-Tlieta jixrob f’din il-lokalità. Dan bil-ħsieb li mill-Erbgħa kellhom jingħalqu l-barijiet u l-każini. Huwa ċar li issa wara din dik li tista’ titqies u-turn mill-Gvern ta’ Abela, kollox se jibqa’ kif inhu u mhu se jinbidel xejn.