Edukazzjoni Lokali

L-eżamijiet tal-MATSEC u tas-SEC se jsiru kif pjanati

Madankollu, l-orals u listening comprehensions tħassru u ma nstabetx soluzzjoni oħra minflokhom.

Hekk kif wasal żmien l-eżamijiet tal-MATSEC u tas-SEC, kollox se jibqa’ miexi kif kien imħabbar fil-ġimgħat li għaddew, anke jekk dawn l-aħħar jiem raw numri kbar ta’ każijiet ġodda ta’ COVID-19.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Edukazzjoni, Owen Bonnici f’post fuq Facebook fejn l-istudenti se jkunu qed imorru fiżikalment f’post fejn se jsiru l-eżamijiet.

Il-ġimgħa l-oħra, għadd ta’ studenti urew it-tħassib tagħhom relatati mas-saħħa ta’ kull student li se jkunu qed jagħmlu r-resits tal-Università u l-eżamijiet tal-MATSEC li mistennija jsiru f’Settembru. L-Għaqda KSU, li tirrapreżenta lill-istudenti tal-Università ta’ Malta, għamlu laqgħa mal-Ministru tal-Edukazzjoni iżda baqgħu mingħajr ebda tip ta’ risposta dwar dan.

Il-kmamar tal-eżamijiet mistennija jilqgħu ammont iżgħar ta’ studenti biex jiġu applikati l-miżuri tas-saħħa, fosthom id-distanza soċjali. Kull student se tittiħidlu wkoll it-temperatura. Jekk student ikun jinsab fi kwarantina mandatorja konnessa mal-COVID-19, inviġilatur se jmur id-dar tal-istudent waqt il-ħin allokat tal-eżami.

It-timetables tal-eżamijiet se joħorġu uffiċjalment bejn illum u għada.

Minn naħa l-oħra, stqarrija li ħarġet l-Università ta’ Malta tgħid li ntlaħqu numru ta’ qbil dwar x’se jkun qed jiġri meta wieħed japplika għal xi kors fl-Università. L-ewwel punt li sar kien li l-istudenti li jagħmlu l-eżamijiet minn djarhom minħabba li jkunu kwarantina, l-istess opportunità tingħata bħal studenti oħra meta jiġu biex japplikaw għal kors li jaċċetta biss numru limitat ta’ studenti.

Jekk wieħed jiġu informat mill-Awtoritajiet tas-Saħħa li għandhom joqgħodu fi kwarantina, wieħed għandu immedjatament jinforma lil MATSEC Support Unit dwar dan.

Minħabba għadd ta’ tibdil fiż-żmien ta’ dawn l-eżamijiet, l-istudenti se jkunu jistgħu jidħlu Junior College jew l-Università bħala probationary students sal-aħħar tas-sena akkademika.