Internazzjonali

L-Italja tinsisti li ma tridx aktar immigranti

Il-Ministru Taljan għall-Affarijiet Barranin, Luigi Di Maio, waqt żjara fit-Tuneżija, għamilha ċara li l-Italja la trid u lanqas ma għandha aktar post għal immigranti illegali.

Ħafna minn dawn l-immigranti illegali qegħdin jitilqu mit-Tuneżija u jaqsmu l-Mediterran bil-għan li jsibu ħajja aħjar fl-Ewropa. Wara laqgħa, f’Tuniz, mal-President Tuneżin Kais Saied, Di Maio sostna li l-Italja ‘lesta toffri l-għajnuna neċessarja kollha  lit-Tuneżija’ biex tikkumbatti dawn il-movimenti tan-nies.

Il-Ministru mill-ġdid enfasizza li ‘l-Italja mhix se tippermetti li l-immigranti li jaslu f’artha jibqgħu jgħixu hemm’ – u meta l-ammont tal-immigranti li vvjaġġaw lejn l-Italja żdied bi kważi 150 fil-mija tul l-aħħar sena. It-Tuneżija qed tiffaċċja l-qgħad għoli u instabbilità politika bir-riżultat li aktar immigranti qed ikunu kostretti li jaqsmu lejn l-Italja għal ‘raġunijiet ekonomiċi’.

L-Italja, fl-aħħar xhur, sabitha ferm diffiċli biex tikkontrolla l-mijiet tal-immigranti li kienu qed jivvjaġġaw lejn xtutha – bil-kontrolli jkunu mfixkla u kumplikati mill-miżuri tas-sigurtà relatati għall-pandemija tal-coronavirus.