Ewropa Unjoni Ewropea

L-Unjoni Ewropea mistennija żżid is-sanzjonijiet fil-konfront tal-Belarus

Ajurplan tal-Gvern Russu jagħmel titjira lejn il-kapitali Belarussa, Minsk, għal fti sigħat

Il-Kummissarju Ewropew għall-Industrija, Thierry Breton, qal li l-mexxejja tal-Unjoni Ewropea mistennija jħarxu s-sanzjonijiet kontra l-Belarus waqt video conference urġenti msejjħa biex tiddiskuti il-kriżi politika fil-pajjiż.

“Il-vjolenza fuq il-poplu tal-Belarus hija inaċċettabbli u issa aktar huwa ċar li l-eżitu tal-Elezzjoni Presidenzjali ma kienx dak mixtieq mill-poplu tal-Belarus, xhieda li s-saltna tad-dritt mhix tiġi rispettata.”

Breton qal dan waqt intervista fuq l-istazzjon tar-radju Europe 1, li fiha tenna li s-sanzjonijiet li diġà ddaħħlu fis-seħħ se jiġu infurzati mill-ġdid bla ebda dubju.

F’telefonata li kellu qabel din il-video conference mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Belarus, Vladimir Makeit, il-Ministru Spanjol tal-Intern, Arancha Gonzalez Laya, qal li huma qablu li l-ebda forzi militari barranin m’għandhom jazzardaw jintervjenu fis-sitwazzjoni

Fatt stramb li seħħ fl-aħħar sigħat kien li l-kandidata għall-elezzjonijiet Presidenzjali fil-Belarus, Svetlana Tikhanovskaya, dehret f’filmat tappella lill-Kunsill Ewropew jinjora dak li qalet fuq l-elezzjonijiet imbagħbsa għall-Presidenza u ħeġġithom jirrispettaw l-għażla tal-poplu tal-Belarus.

Tikhanovskaya kienet ħarbet mill-pajjiż ftit sigħat wara li tħabbar ir-riżultat elettorali lejn il-Litwanja iżda ħadd ma jaf fejn hi moħbija.

Intant, ajurplan tal-Gvern Russu, li normalment jintuża mill-uffiċjali għolja tal-Gvern, inkluż mill-kap tas-servizzi tas-sigurtà, għamlet titjira ta’ malajr lejn il-kapitali tal-Belarus, Minsk, u rriturnat lura Moska fis-sigħat bikrin tal-Erbgħa filgħodu.

Din it-titjira, tat-tip Tupolev Tu-214, inqabdet minn tracker li jżomm informazzjoni dwar it-titjiriet u saret fl-isfond ta’ biża’ dwar kif ir-Russja se tirreaġixxi għal dawn l-aħħar żviluppi.

Dan hekk kif ir-Russja kienet intervjeniet militarment fl-Ukrajna fl-2014 meta mexxej kariżmatiku kien tneħħa wara sensiela ta’ protesti.