Lokali

Mel tmut kawża ta’ xlief u snanar

Il-fekruna tal-ilma baħar, Mel mietet kawża ta’ feriti kkawżati minn xlief u snanar li kienu ntużaw għas-sajd. Meta nstabet, hi kellha xi xlief ħiereġ minn ħalqha u minn naħa ta’ wara ta’ ġisimha filwaqt li kienet belgħet ukoll sunnara. It-tnejn li huma rriżultaw f’infezzjoni u infjammazzjoni serji.

Hi kienet ġiet salvata f’Marsaxlokk fis-26 ta’ Ġunju ta’ din is-sena. Hekk kif waslet għand Nature Trust Malta, Mel bdiet tingħata l-kura meħtieġa iżda ftit li xejn seta’ jsir biex tiġi salvata. Dan hekk kif is-sunnara ma setgħetx titneħħa permezz ta’ operazzjoni.

Mel kienet dgħajfa ħafna tant li ma bdiet tiekol xejn. Minkejja li voluntiera ta’ Nature Trust Malta sfurzaw lil fekruna tal-ilma baħar biex tiekol, ftit li xejn raw titjib f’saħħitha.

Jekk wieħed isib fekruna tal-ilma baħar feruta, Nature Trust Malta għandha tiġi kkuntatjata minnufih filwaqt li l-ebda xlief u snanar m’għandhom jitneħħew hekk kif kapaċi tinħoloq ħsara fl-organi tagħhom.

Image may contain: text that says 'UPDATE REST IN PEACE SWEET MEL SWIM FREE NOW... .Name: Mel .Species: loggerhead Rescue date: 26/06/2020 .Injuries: Hook & line ingestion, serious infection'