Lokali Qorti

Mixli li weġġa’ lis-sieħba tiegħu

Raġel minn Birżebbuġa ta’ 41 sena, ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li wieġeb li mhux ħati li weġġa’ lis-sieħba tiegħu ma’ min ilu f’relazzjoni għal erba’ xhur.

Ir-raġel, li mhux qed jissemma biex tiġi protetta l-identità tal-vittma tiegħu, ġie akkużat li kkaġuna ġrieħi ħfief fuq it-tfajla tiegħu. Il-koppja qattgħu l-aħħar ftit xhur jgħixu f’garaxx f’Birżebbuġa

Il-Maġistrat Charmaine Galea semgħet kif seħħ l-inċident is-Sibt meta t-tnejn argumentaw fuq ir-relazzjoni tagħhom. Ir-raġel ġie akkużat li hedded lill-mara, talli ta’ x’tifhem li se ssire vjolenza fil-konfront tagħha u li ta fastidju. Il-mara ppakkjat l-affarijiet tagħha u telqet mill-garaxx.

Huwa wieġeb li mhux ħati tal-akkużi kollha miġjubin kontrih u ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €1,000. L-akkużat ġie ordnat biex jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija darbtejn fil-ġimgħa. L-Ispettur Melvyn Camilleri ressaq lill-akkużat filwaqt li l-avukati Franco Debono u Francesca Zarb kienu avukati tad-difiża.