Futbol Sport

PSG jiksbu post fil-finali tal-UEFA Champions League

(Ritratt: EPA)

Paris Saint-Germain għelbu faċilment lil RB Leipzig bl-iskor ta’ 3-0 biex kisbu post fil-finali tal-UEFA Champions League nhar il-Ħadd 23 ta’ Awwissu kontra minn jirbaħ bejn Lyon u Bayern Munich. Il-logħba ntlagħbet fl-Estàdio da Luz fil-Portugall, partita ddominata mit-tim Franċiż.

PSG kellhom ċans imorru fil-vantaġġ mall-ewwwel ftit minuti meta Kylian Mbappe qassam fit-tul lil Neymar li ixxutja fil-baxx iżda l-ballun ħabat mal-lasta u mar barra. Ftit wara, huma kellhom gowl imħassar wara li Gulasci żbalja fejn ixxutja ġo Neymar stess bil-ballun spiċċa fix-xibka, iżda tħassar minħabba li l-ballun ħabat ma’ id l-istess plejer.

L-ewwel gowl tal-partita wasal fit-13-il minuta meta free kick ta’ Angel Di Maria sab lil MARQUINHOS li bir-ras ma’ żbaljax. Dan kien il-ħames gowl tiegħu tal-istaġun.

PSG reġgħu kellhom opportunità oħra meta żball fid-difiża ta’ Leipzig tilfu l-ballun b’Di Maria xeħet lil Mbappe li ra x-xut tiegħu milqugħ mill-gowlkiper.

Neymar kellhu t-tieni xut tiegħu li ħabat mal-lasta minn free kick prużuntuż u minn angolu diffiċli.

It-tieni gowl tal-logħba wasal ftit qabel tmiem l-ewwel taqsima meta pass ħażin tal-gowlkiper spiċċa f’saqajn Leandro Paredes li tefa’ lil Neymar u bit-takkuna xeħet lil DI MARIA li ma falliex.

Fil-50 minuta, attakk personali mis-sostitut ta’ Leipzig Emil Fornsberg kellhu x-xut tiegħu minn barra l-kaxxa spiċċa ftit għoli.

Fis-56 minuta wasal it-tielet gowl għal PSG, meta Nordi Mukiele żelaq b’Di Maria ħadlu l-ballun u tefa’ cross lil BERNAT li bir-ras żied il-vantaġġ.

Mbappe prova jżid l-iskor meta minn cross ta’ Di Maria xellef ftit bir-ras li mar ftit barra. Immedjatament wara, l-istess plejer qabeż lil Upamecano iżda kellhu x-xut milqugħ minn Gulasci bil-ballun spiċċa għand Paredes li prova xutt minn barra imma reġa laqgħu l-istess gowlkiper.

Il-gowlkiper ta’ Leipzig kompla bil-prestazzjoni pożittiva fit-tieni taqsima wara li reġgħa laqa’ xut ieħor b’saħħtu ta’ Paredes minn barra l-kaxxa.

Fl-aħħar minuti tal-partita, Leipzig kienu viċin gowl ta’ konsolidazzjoni wara li cross minn Mukiele spiċċa għand Schick bix-xut blukkat minn Thiago Silva, b’Fornsberg ħa ċans ukoll iżda Thilo Kehrer jagħlaq tajjeb.

PSG żammew il-pussess tal-ballun sal-aħħar, biex iċċelebraw post fil-finali tal-UEFA Champions League b’opportunità li jirbħu dan it-trofej għall-ewwel darba fl-istorja tal-klabb.

Għall-ewwel darba wkoll f’14 -il sena, f’dawn is-semi finali mhux se naraw la lil Messi u lanqas lil Ronaldo.

UEFA CHAMPIONS LEAGUE

Semifinali: Illejla: RB Leipzig v PSG 3-0, Għada: Lyon vs Bayern Munich