Internazzjonali

Stati Uniti: Michelle Obama tattakka lil Trump bħala ‘il-President ħażin għal dawn iż-żmenijiet’

L-eks First Lady tal-Istati Uniti, Michelle Obama, ikkritikat lill-President Amerikan, Donald Trump bħala ‘il-Mexxej ħażin għall-pajjiż f’dawn iż-żmenijiet’ – bil-kumment jispikka fost mewġa ta’ kritika għal Trump waqt l-ewwel lejla tal-Konvenzjoni Nazzjonali tal-Partit Demokratiku organizzata ‘online’ minn Milwaukee, f’Wisconsin.

Il-messaġġ ta’ Obama kien irrekordjat għall-avveniment li fih id-Demokratiċi kienu qed iħejju biex iħabbru formalment lil Joe Biden bħala l-isfidant tagħhom għall-Presidenza Amerikana – bl-istess Biden se jikkuntesta kontra Trump għall-White House fl-elezzjoni speċifika li ssir fit-3 ta’ Novembru.

Il-konferenza kellha wkoll is-sehem ta’ eks membri tal-Partit Repubblikan ta’ Trump li wkoll jikkundannaw l-aħħar snin tat-tmexxja tal-President.

Il-programm f’Milwaukee kien jinkludi diskorsi rekordjati minn qabel bħala parti minn avveniment virtwali. Dan minħabba t-theddida mill-pandemija tal-coronavirus – bil-Partit Repubblikan fil-Gvern mistenni jagħmel l-appell elettorali tiegħu waqt konvenzjoni li se ssir il-ġimgħa d-dieħla.

Michelle Obama qalet li ‘Donald Trump ma jistax ikompli għaddej bl-istil qarrieqi tiegħu bħala President’ u  rreferiet għall-‘istat miskin’ tal-ekonomija tal-Istati Uniti b’kaġun tal-coronavirus ‘li Trump naqas milli jitrattah bl-importanza li kien jixraq’.

Hi kompliet li ladarba l-Amerikani jħarsu lejn il-White House għal xi  ispirazzjoni ‘huma jsibu biss il-kaos, id-diviżjoni u nuqqas totali ta’ indikazzjonijiet li l-Gvern jifhem tassew dak li għaddej minnu l-poplu’.

Michelle Obama kompliet li kien diffiċli biex xi ħadd jispjega l-aħħar erba’ snin lit-tfal Amerikani u li ‘Donald Trump kellu biżżejjed żmien biex juri li kien kapaċi għall-Presidenza – iżda falla bl-ikrah’.

L-analisti tad-diskors qablu li Michelle Obama kienet qed tindirizza fuq kollox lid-Demokratiċi leali li wħud minnhom setgħu ma vvutawx fl-aħħar elezzjoni (fl-2016) inkella vvutaw għal partit ieħor. It-tragward tagħha, għaldaqstant, kien li tikkonvinċi lill-poplu dwar il-mument gravi li għaddej minnu pajjiżhom u biex huma jieħdu azzjoni f’waqtha biex jindirizzaw ‘il-kriżi’.